Ambjent Lokali

“Uliedna jixirqilhom li jkollhom ambjent tajjeb” – Antoinette Vassallo

“Hemm bżonn aktar spazji miftuħa għal uliedna għaliex uliedna jixirqilhom li jkollhom ambjent tajjeb.”

Dan qalitu l-Kummissarju għall-Protezzjoni tat-Tfal Antoinette Vassallo, waqt intervista fuq il-programm Net Live l-Erbgħa filgħaxija. Hija qalet li f’pajjiżna hawn wisq tniġġis fl-arja kif ukoll ammont eżagerat ta’ karozzi u għalhekk hemm bżonn li jkun hawn aktar spazji miftuħa f’ambjent nadif sabiex ikunu mrobbija f’ambjent tajjeb.

Antoinette Vassallo qalet li riċentament il-Kummissjoni tat-Tfal għamlet riċerka filmkien mal-Universita’ ta’ Malta u d-Dipartiment tal-Edukazzjoni, fejn minn dawn is-surveys ħareġ li t-tfal jixtiequ aktar spazji miftuħa.

Fl-istħarriġ ipparteċipaw madwar 250 tifel u tifla kif ukoll ġenituri, u għalliema fost oħrajn.

Hija qalet li minn dan l-istudju ħadu d-deċiżjoni li jaħdmu id f’id mal-Kunsilli Lokali.

Minn dan l-istudju ħareġ biċ-ċar hekk kif it-tfal qalu li jixtiequ aktar spazji miftuħa fejn ikunu jistgħu jqattgħu l-ħin liberu tagħhom.

Waqt l-intervista hija saħqet li t-tfal hemm bżonn li joħorġu fuq barra u jilgħabu; iżda minħabba n-nuqqas ta’ spazji miftuħa dawn qed jispiċċaw jissakkru d-dar, u jqattgħu ammont kbir ta’ ħin fuq it-tablets.