Futbol Sport Tazza Tad-Dinja 2022

Żewġ gowls ta’ Richarlison jagħtu rebħa lill-Brażil

(Ritratt: EPA)

Fl-aħħar partita ta’ l-ewwel rawnd il-Brażil ħarġu rebbieħa 2-0 kontra s-Serbja. Il-Brażil,favoriti għal din il-kompetizzjoni bdew fuq nota tajba kontra avversarju b’saħħtu ħafna fejn rajna l-ewwel taqsima bla gowls, madankollu b’żewg gowls ta’ Richarlison fit-tieni taqsima, is-Seleção irnexxielhom jiksbu tlett punti kruċjali għall-kwalifikazzjoni.

L-ewwel azzjoni denja ta’ nota waslet minn korner mogħti lejn il-lasta minn Neymar hekk kif ra lil goalkeeper Milinkovic-Savic barra mil-linja u prova jieħu ċ-ċans, iżda l-goalkeeper ta’ Torino salva tajjeb. Ċans ieħor tajjeb għal Brażil meta minn pass ta’ Thiago Silva, Vinicius Junior sab ruħu wiċċ’imb wiċċ mal-gowler, iżda Milinkovic-Savic reġa’ bieġħed il-periklu. Il-Brażil komplew jiddominaw il-pussess tal-ballun u jipprovaw jiskurjaw, u fl-34 minuta Raphinia prova jsib ix-xibka minn pass ta’ Paqueta iżda l-konklużjoni ma kienitx tajba biżżejjed u l-goalkeeper laqa’ b’kumdità. Okkażjoni oħra għal Brażiljani meta Vinicius Junior kważi fetaħ l-iskor minn żball ta’ Milenkovic iżda l-attakkant ta’ Real Madrid xeħet barra. L-ewwel taqsima tintemm 0-0, bil-Brażil bla dubju jkunu l-aħjar tim.

Il-Brażil ħarġu fuq l-offensiva mill-ewwel minuta hekk kif Raphinia prova jikkapitalizza fuq l-iżball ta’ Milinkovic-Savic, iżda l-konklużjoni kienet fqira wisq.  Il-Brażiljani kellhom l-iktar ċans insidjuż fis-60 minuta meta d-difensur Alex Sandro prova xortiħ minn barra l-kaxxa u laqat l-lasta l-wieqfa, sfortunatament għall-Brażiljani ma kien hemm ħadd sabiex jikkonkuldi t-tieni ballun.

Il-Brażil irnexxielhom jiftħu l-iskor wara bosta okkażjonijiet moħlija meta Richarlison xeħet ġewwa minn ftit metri l-bogħod wara li Neymar kellhu x-xutt tiegħu salvat minn Milinkovic-Savic. Il-Brażil irddupjaw b’dak li huwa possibilment l-isbaħ gowl tal-kompetizzjoni sissa meta minn kross ta’ Vinicius Junior, Richarlison sab ix-xibka b’xutt akrobatiku u b’hekk il-Brażiljani setgħu iserħu iktar moħħhom. It-tim immexxi minm Tite kompla bl-attakki fuq is-Serbi meta Casemeiro prova jikkonkuldi minn barra l-kaxxa iżda l-midfielder laqat il-mimduda.