Lokali

Anke l-Kamra tal-Ispiżjara kontra l-liġi li ressaq il-Gvern fuq l-abort

Il-Kamra tal-Ispiżjara qed tinsisti li hi kontra l-liġi li ressaq il-Gvern fuq l-abort.

Dan intqal f’komunikat maħruġ illum, bl-Ispiżjara jappoġjaw il-pożizzjoni maħruġa minn 81 professjonist u akkademiku.

Fil-fatt, aktar kmieni din il-ġimgħa, grupp ta’ esperti fil-mediċina, fix-xjenza, fil-politika soċjali u tal-familja, fil-filosofija, fl-etika, fil-psikoloġija u, fil-liġi, sostnew illi l-emenda li ressaq il-Gvern dwar it-terminazzjoni tat-tqala qed tiftaħ il-bieb għall-abort.

Fl-istess ġimgħa, il-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista insista illi qed jikkunsidra dan l-abbozz ta’ liġi li ressaq il-Gvern bħala l-introduzzjoni tal-abort f’pajjiżna. Għalhekk il-Partit Nazzjonalista qatt ma jista’ jkun favur dan l-abbozz ta’ liġi kif propost mill-Gvern.

Il-PN qal li b’dan l-abbozz ta’ liġi l-Prim Ministru Robert Abela qed jikser il-kelma li ta lill-poplu Malti u Għawdxi meta f’Jannar 2020 stqarr li ser jiġġieled kontra min jipprova jintroduċi l-abort f’pajjiżna.