Lokali

Bżonn ta’ emenda fil-liġi li tipproteġi l-whistleblowers

L-għaqda Repubblika qed tappella lill-Gvern biex minnufih jibda b’konsultazzjoni serja dwar il-liġi li suppost tipproteġi lill-whistleblowers, hekk kif din il-liġi qed tkun meqjusa bħala waħda li mhix tgħati l-aqwa protezzjoni.

Jekk dan ma jseħħx, pajjiżna se jkun qed ibati, għaliex wieħed m’għadux kunfidenti biżżejjed li jersaq ‘il quddiem u jirrapporta informazzjoni kunfidenzjali… kif spjegalna il-President tal-għaqda, Robert Aquilina.

“Qed issir ħsara fuq diversi livelli,” qal Robert Aquilina. “Iċ-ċittadini Maltin jbatu minħabba l-korruzzjoni li teżisti f’pajjiżna u anke fir-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Mhux biss il-mod kif jarawna barra minn Malta iżda wkoll minħabba li dan wassal biex tinqatel ġurnalista.”

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, Repubblika qalet li kif inhi l-liġi bħalissa, kawża ta’ numru ta’ nuqqasijiet, din qed tfalli b’mod sħiħ. Tant li minflok tipproteġi lil dawk li għandhom xi informazzjoni, wieħed kapaċi jeħel il-ħabs jekk jitkellem.

“F’pajjiżna din il-liġi intużat darba waħda biss fir-rigward tal-każ tar-raġel ta’ membru tal-Oppożizzjoni,” qal Robert Aquilina. “U allura aħna qed insejħu lill-Gvern biex ikun hemm proċess ġenwin ta’ konsultazzjoni. Meta l-Gvern Malta jirrifjuta li jagħti protezzjoni lill-whistleblowers, ikun qed jiftaħ il-bibien beraħ għall-korruzzjoni u reati serjissimi oħra. U dawk li jixtiequ jikxfu illegalitajiet joqgħodu lura għax il-Gvern stess idur għalihom u jispiċċaw isofru l-konsegwenzi.”

Fost id-difetti li wieħed isib f’din il-liġi tal-whistleblowers hemm dik li l-liġi flok tipproteġi, tikkastiga u tikxef l-identità ta’ min joħroġ xi informazzjoni. Pajjiżna kien daħħal il-liġi li tipproteġi lill-Whistleblowers fl-2014. Imbagħad, fl-2021 l-liġi kienet ġiet emendata biex timxi mad-direttivi tal-Unjoni Ewropea.