Lokali

“Il-PN se jispira għal politika ta’ fiduċja u tama għall-Maltin u l-Għawdxin kollha”

“Inwiegħed li l-Partit Nazzjonalista jkun dak il-Partit li jispira politika ta’ fiduċja u tama għall-Maltin u l-Għawdxin kollha.”

Kien b’dan il-mod li s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Michael Piccinino fetaħ id-diskors tiegħu għall-bidu tal-Kunsill Ġeneral tal-Partit Nazzjonalista l-Ġimgħa filgħaxija fis-Sub-Headquarters tal-Partit, f’Ta’ Sannat, Għawdex.

Fil-ftuħ tal-Kunsill Ġenerali, Michael Piccinino ppreżenta d-dokument fl-isem ta’ ‘Politika ta’ Fiduċja u Tama’… dokument li jindirizza l-problemi l-pajjiżna għaddej minnhom fosthom iż-żgħażagħ li qed jagħżlu li jitilqu minn pajjiżna u l-politiċi Laburisti li qed jagħżlu li jgħaqdu lil tal-qalba.

“Il-Partit Laburista qata’ qalbu,” qal Michael Piccinino. “U għalhekk il-Partit Nazzjonalista se jkun hemm biex jagħti tama sabiex pajjiżna fil-futur ikun aħjar minn dak tal-passat.”

Is-Sgretarju Ġenerali għaraf il-fatt li fl-aħħar elezzjoni, mas-60,000 persuna ma kellhomx fiduċja fl-għażliet li kellu quddiemu u għalhekk wiegħed li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed jaħdem favur governanza tajba għall-ġid ta’ pajjiżna.

“Il-Partit Nazzjonalista għandu obbligu li juri li l-politiċi mhumiex kollha l-istess,” qal Michael Piccinino. “Irridu nibnu fiduċja mill-ġdid għal dawk li qed jitilfu l-fiduċja tagħhom f’pajjiżna.”