Internazzjonali

Ir-Russja b’liġi ġdida kontra promozzjoni għal LGBTIQ+

Il-Parlament Russu għadda liġi li ma jħalli l-ebda forma ta’ pubbliċità favur persuni omosesswali.

Din il-liġi tgħodd mhux biss għal attivitajiet iżda wkoll għal kotba, films u materjal online li jkunu jikkonsistu fi promozzjoni għal LGBTIQ+. Jekk wieħed jikser din il-liġi se jkun qed jaffaċja penali ħarxa.

Dan il-vot fil-parlament għadda bi 397 favur… jiġifieri kull membru fil-parlament ivvota favur u l-ebda persuna ma astjeniet.

Issa, il-liġi baqalha biss biex tgħaddi minn taħt idejn il-President Russu, Vladimir Putin biex jiffirmaha u b’hekk uffiċjalment tkun daħlet fis-seħħ.

Dawk kollha li jiksru din il-liġi kapaċi jeħlu multa ta’ iktar minn €6,000 filwaqt li jekk kumpanija tikser din il-liġi tista’ teħel iktar minn €80,000.

Liġijiet simili kontra persuni LGBTIQ+ ilhom jidħlu fil-liġi Russa sa mill-2013 fejn fost l-oħrajn il-pajjiż ma jaċċettax relazzjoni intima bejn persuni tal-istess sess.