Lokali Qorti

Jammettu li serqu minn ħwienet fil-Mosta

Koppja minn San Gwann irċevew sentenzi sospiżi wara li ammettew l-involviment tagħhom f’diversi serqiet minn ħwienet fil-Mosta. L-Ispettur Godwin Scerri ressaq il-qorti lil Daniela Maria Melarosa u Baldassare Borg, magħruf wkoll bħala Dassier, fuq akkużi ta’ serq aggravat u kompliċità f’serq aggravat, rispettivament.

Melarosa ta’ 38 sena, li qabel kienet taħdem bħala salesgirl f’wieħed mill-ħwienet fil-mira, ġiet akkużata li serqet total ta’ aktar minn €2,000 fi flus kontanti mill-ħanut fi Triq il-Kostituzzjoni, il-Mosta. Borg kien mixli b’kompliċità fis-serqiet. Il-mara kienet mixlija wkoll b’serq ta’ ammont mhux speċifikat ta’ flus kontanti minn ġanut tal-ħelu fl-istess triq.

Borg kien akkużat wkoll li aġixxia bħala kompliċi tagħha waqt it-twettiq ta’ dan ir-reat. Wara li Melarosa tkeċċiet mill-boss tagħha, preżumibbilment b’rabta mas-serqa, hija kienet bagħtet messaġġi abbużivi lil min kien iħaddimha. Fil-Qorti, Borg waħdu kien akkużat ukoll b’użu ħażin ta’ tagħmir elettroniku kif ukoll b’reċediv, fid-dawl tad-diversi ksur preċedenti tiegħu mal-liġi.

Borg, kien ingħata l-ħelsien bil-kundizzjoni fl-2002 talli hedded u aggredixxa uffiċjal tal-pulizija waqt partita tal-futbol. Huwa kien ġie mmultat ukoll €500 fl-2016 wara li nstab ħati li ta daqqa ta’ ponn lil plejer tal-futsal waqt battibek fil-Padiljun Sportiv ta’ Kordin.

Tliet snin wara, fl-2019, qorti kienet ordnat lil Borg biex ma jikkuntattjax jew javviċinax lill-blogger Manuel Delia wara li Borg poġġa kummenti intimidatorji taħt post ta’ Delia fuq Facebook li fih kien ikkritika lill-eks Kap tal-PN Adrian Delia. Fil-Qorti llum kemm Melarosa kif ukoll Borg wieġbu ħatja tal-akkużi, u ġew ikkundannati sentejn ħabs, sospiżi għal erba’ snin.

Borg ġie mmultat €100 b’rabta mal-akkuża relatata mal-użu ħażin ta’ apparat ta’ komunikazzjoni. Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit ordnat ukoll li l-koppja jħallsu lura l-valur tal-flus misruqa lill-vittmi u imponiet ordni ta’ protezzjoni ta’ 3 snin favur il-vittmi. L-ispettur tal-Pulizija Godwin Scerri tħarreġ. L-Avukat Mario Mifsud kien avukat difensur.