L-Olanda u l-Ekwador ħadu punt kull wieħed f’konfront bilanċjat, bl-Ekwador dehret li setgħet tirbaħ il-logħba f’mumenti minnhom. B’dan ir-riżultat, iż-żewġ timijiet għandhom bżonn punt mill-aħħar logħba biex ikunu kwalifikati filwaqt li l-Qatar hu uffiċjalment l-ewwel nazzjon eliminat.
L-Olanda marret fil-vantaġġ wara biss sitt minuti. Davy Klaassen interċetta ballun quddiem il-kaxxa tal-Ekwador u lagħab il-ballun lejn Cody Gakpo biż-żagħżugħ jegħleb lil Hernan Galindez b’konklużjoni bix-xellug.
Qabel tmiem l-ewwel taqsima, l-Ekwador kienet għoddha ġabet id-draw. Pervis Estupinan xellef xutt mid-distanza u qarraq b’Andries Noppert iżda wkoll tħassar għal offside minħabba li Jackson Porozo ġie ġġudikat li ħalla impatt fuq l-azzjoni. Id-deċiżjoni ġiet konfermata bil-VAR ftit sekondi wara li Estupinan ġera biex jiċċelebra.
L-Ekwador meritatament ġabet id-draw fid-49 minuta. Xutt fil-baxx ta’ Estupinan ġie salvat parzjalment minn Noppert, bil-ballun spiċċa fid-direzzjoni ta’ Enner Valencia li ma kellux diffikultà biex kompla l-ballun għal ġewwa.
It-tim ta’ Gustavo Alfaro mar qrib il-gowl tal-vantaġġ fid-59 minuta b’xutt ta’ Gonzalo Plata li stampa l-mimduda, b’Noppert megħlub. Sa tmiem il-logħba, iż-żewġ timijiet ma ridux jieħdu sogru żejjed, konxji mill-fatt li punt kien sodisfaċenti għalihom.
//= $special ?>