QATAR……………..1
SENEGAL…………3
Rebħa għas-Senegal fit-tieni konfront tagħhom minn Grupp A meta fl-Al Thumama Syadium għelbu lil Qatar 3-1 biex b’hekk irreġistraw l-ewwel rebħa tagħhom fi Grupp A. Minn naħa l-oħra din kienet it-tieni telfa għall-ospitanti wara t-telfa fil-partita inawgurali kontra l-Ekwador.
Wara erba’ minuti s-Senegal fuq l-offensiva u minn azzjoni peronali Ismaila Sarr prova xutt b’saħħtu li għadda ftit barra
Kwarta logħob u ċans ieħor għas-Senegal din id-darba minn Krepin Diatta li l-konklużjoni tiegħu mill-viċin kienet imdawra f’korner minn Barsham.
Fl-34 minuta l-Qatar jipprotestaw għall-penalty wara li Akram Afif twaqqa’ fil-kaxxa iżda r-referee ħalla l-logħob għaddej.
Fil-41 minuta s-Senegal fetħu l-iskor meta Boulaye Dia approfitta minn żball difensiv u mill-viċin għeleb lil Barsham għal 1-0, skor li bih intemmet l-ewwel taqsima.
It-tieni taqsima bdiet bl-aħjar mod għas-Senegal li wara biss tliet minuti skorjaw it-tieni gowl meta minn korner kien Famara Diedhiou li għola fuq kulħadd u b’daqqa ta’ ras tefa’ ġewwa. Fis-67 minuta l-aħjar ċans għall-Qatar meta Mohammad irċieva kross fil-kaxxa u x-xutt mill-ewwel tiegħu kien milqugħ b’save mill-aqwa mill-goalkeeper ta’ Chelsea Mendy li dawwar f’korner.
Il-Qatar naqsu d-distakk fit-78 minuta meta minn mill-kross perfett ta’ Ismaeel Mohammed kien Mohammed Muntari li għola tajjeb u b’daqqa ta’ ras preċiża għeleb lil Mendy.
Is-Senegal ireaġixxew b’gowl fl-84 minuta permezz ta’ Bamba Dieng li mill-viċin xeħet ġewwa wara l-kross ta’ Lliman Ndiaye għal skor finali ta’ 3-1 favur is-Senegal.
//= $special ?>