Futbol Sport Tazza Tad-Dinja 2022

L-Ingilterra miżmuma mill-Istati Uniti bi prestazzjoni deludenti

(Ritratt: EPA)

L-Ingilterra ġiet miżmuma fi draw ta’ mingħajr gowls kontra l-Istati Uniti. Dan id-draw kompla jressaq lill-Ingliżi lejn il-kwalifikazzjoni għalkemm il-prestazzjoni ma tantx kienet sodisfaċenti. Fuq in-naħa l-oħra, l-Amerikani offrew sfida denja iżda naqqsu li jisfruttaw l-okkażjonijiet li kellhom.

L-Ingilterra bl-ewwel ċans wara 10 minuti. Azzjoni ta’ Jude Bellingham li għadda lejn Bukayo Saka, bil-winger kompla fil-baxx lejn Harry Kane iżda x-xutt indirizzat lejn il-lasta ġie mxellef fil-ħin minn Tim Ream.

L-Amerikani wieġbu fl-20 minuta bi kross ta’ Timothy Weah mil-lemin lejn Weston McKennie iżda l-konklużjoni tal-midfielder minn qagħda tajba spiċċat fuq il-lasta. Okkażjoni tajba għall-Istati Uniti fit-33 minuta b’xutt b’saħħtu ta’ Christian Pulisic li stampa l-mimduda. Qabel tmiem l-ewwel taqsima, Mason Mount mar viċin b’xutt fil-baxx li ġie mdawwar f’korner minn Matt Turner.

Fit-tieni taqsima, l-Amerikani baqgħu bl-inizjattiva għalkemm Jordan Pickford ma kienx impenjat wisq. L-okkażjonijiet baqgħu mhux ħafna quddiem iż-żewġ lasti anki jekk Gareth Southage introduċa lil Jack Grealish u Marcus Rashford fl-attakk. L-aħjar ċans tal-Ingliżi wasal fit-93 minuta. Free-kick mix-xellug ta’ Luke Shaw fil-kaxxa, daħal Harry Kane iżda mill-qrib ra t-tentattiv jgħaddi barra.