Lokali

Lydia Abela tfarfar il-vjolenza domestika fuq l-edukazzjoni

Net News jitkellem ukoll mas-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg

“Hemm bżonn ta’ edukazzjoni.”

Din kienet it-twegiba tal-mara tal-Prim Ministru wara l-aħħar każ serju ta tal-vjolenza domestika li wassal għall-qtil traġiku ta’ Bernice Cassar; delitt li reġa’ għal darb’oħra ixxokkja pajjiż sħiħ.

Fl-aħħar jiem, partikolarment wara l-qtil ta’ din l-omm ta’ żewġt itfal… diversi kienu dawk illi saħqu li l-istituzzjonijiet mhux jagħmlu biżżejjed jew saħansitra li l-Gvern naqas u qed ikompli jonqos lil dawn il-vittmi.

Fost l-oħrajn il-Kummissarju dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u Vjolenza Domestika illi saħqet li minkejja li qed isir ix-xogħol, l-istituzzjonijiet għadhom mhux qed jipproteġuhom lin-nisa. Il-Kunsill tan-Nisa sosta li l-Gvern jeħtieġ jieħu azzjoni serja. U l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza insistiet li s-sistema falliet.

Messaġġ simili wasal ukoll mill-Kummissarju għat-Tfal Antoinette Vassallo li appellat lill-awtoritajiet sabiex tittieħed azzjoni immedjata …filwaqt li l-Malta Women’s Lobby insistiet li l-Gvern għandu jżid il-finanzi lil entitajiet li jagħtu l-għajnuna tagħhom lill-vittmi ta’ vjolenza domestika  u appellat sabiex jiżdiedu l-Maġistrati li jkunu dedikati esklussivament fuq każijiet ta’ vjolenza domestika.

Il-Ġimgħa filgħodu Net News staqsa lil Lydia Abela dwar dan il-falliment minn naha tal-awtoritajiet. Iżda, mart il-Prim Ministru ħarbet milli twieġeb, u farfret kollox fuq l-edukazzjoni.

Fl-aħħar tlett ijiem ir-reazzjoni tal-awtoritajiet ġiet meqjusa minn bosta bħala tard wisq…bil-Gvern iħabbar li se jkun qed iressaq abbozz ta’ liġi ħalli persuna tkun tista’ tara l-partner tagħha kienx qatt ingħata sentenza mill-Qorti wara li nstab ħati bi vjolenza domestika – abbozz meqjus minn diversi esperti bħala wieħed dgħajjef quddiem ir-realtà tal-lum.

Għaldaqstant Net News staqsa lis-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg biex tagħtina l-opinjoni tagħha.

Staqsejniha wkoll għal liema raġuni r-raġel ta’ Bernice Cassar, Roderick Cassar, ma ġiex arrestat fil-ħin minkejja li kiser il-kundizzjoni imposta mill-protection order …b’Buttigieg tisħaq li dan għandha tarah l-inkjesta.