Lokali

Mill-kliem dwar il-vjolenza domestika, irridu li l-awtoritajiet jgħaddu għall-fatti

Fil-jum dinji għall-eliminazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa, il-Partit Nazzjonalista jesprimi diqa kbira għall-fatt li dan il-Jum huwa skurat bl-aħħar femicidju li seħħ f’pajjiżna, u kemm kien ikun ta’ kuraġġ u sodisfazzjon li kieku stajna niftaħru jew imqar nsemmu xi avvanzi li saru. 

Dan intqal fi stqarrija mid-deputat Graziella Attard Previ u Claudette Buttigieg.

Huma qalu li l-liġijiet fuq il-karti ma jipproteġux nies u lanqas ma jipprevjenu l-imwiet.  Huma l-azzjonijiet fil-pront, riżultat ta’ sistemi li jaħdmu b’mod effiċjenti li jistgħu jagħmlu dan. 

Il-Partit Nazzjonalista tennali ż-żmien tal-paroli u diskussjonijiet ilu li spiċċa. Issa hemm bżonn azzjoni immedjata biex il-vjolenza kontra n-nisa tispiċċa u biex kull karba, ta’ kull mara, tiġi mismugħa. 

Fil-Jum Dinji ghall-eliminazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa, il-Partit Nazzjonalista wiegħed li se jkompli din il-ġlieda b’aktar determinazzjoni biex kull mara f’pajjiżna tkun sikura u biex l-awtoritajiet jassiguraw li jkun hawn sistema effiċjenti fejn mara tista’ tirrapporta każ ta’ vjolenza u fejn tittieħed azzjoni f’waqtha biex b’hekk kull mara tigi mħarsa.