Lokali Qorti

Mixli li kkorrompa lit-tifel tas-sieħba tiegħu ta’ ħames snin

Raġel ta’ 42 sena wieġeb mhux ħati quddiem il-Maġistrat Claire Starace Zammit li kkorrompa it-tifel tas-sieħba tiegħu li għandu ħames snin. Id-difiża tiegħu qed tgħid li din mhija xejn għajr kalunja ivvintata mill-eks raġel tas-sieħba tal-akkużat, li jiġi il-missier bioloġiku tat-tifel.

Il-Qorti semgħet it-trattazzjoni tal-avukati tad-difiża li qalu li l-akkużat li għandu żewġt itfal apparti l-allegat vittma, kien beda jieħu ħsiebu. Semmew li r-rapport tal-FSWS li stħarreġ dawn l-akkużi, m’għamel l-ebda rakkomandazzjoni dwar il-każ.

Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għal ħelsien mill-arrest minħabba l-biża’ li jiġu kontaminati l-provi. Wara li semgħet is-sottomissjonijiet kollha, il-Maġistrat ordnat il-ħelsien mill-arrest ġaladarba t-tifel se jkun barra mid-dar tal-akkużat. Hija ordnat li t-tifel jinġabar mill-iskola issa stess u jittieħed id-dar mill-missier naturali filwaqt li ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma.

L-akkużat ingħata l-ħelsien mill-arrest b’depożitu ta’ €5,000 u garanzija personali ta’ €10,0000 u bil-kundizzjoni li jiffirma l-għassa tal-pulizija kuljum. Isem ir-raġel u l-partijiet involuti fil-każ ma jistgħux jixxandru b’ordni tal-Qorti biex jiġu protetti l-allegati vittmi. L-Avukati Sean Azzopardi u l-Ispetturi Kylie Borg u Brian Xuereb mexxew il-prosekuzzjoni.