Lokali

“Se nerġgħu nibnu fiduċja fis-sistema politika”

Waqt il-ftuħ tal-Kunsill Ġenerali tal-PN, il-President tal-Kunsill, Mark Anthony Sammut qal li l-elezzjoni ġenerali li għaddiet urietna li hawn massa kbira mill-poplu tagħna, li tilfet il-fiduċja fis-sistema politika, li tilfet il-fiduċja fil-mod kif qed titħaddem id-demokrazija, u li qed tagħżel li ma tipparteċipax fil-proċess demokratiku… u kien għalhekk li ntgħażlet it-tema ta’ Politika ta’ Fiduċja u Tama biex jassiguraw li kull ċittadin Malti jkun fiduċjuż fit-tmexxija Nazzjonalista.

“Dak li hu ħa nindirizzaw f’dan id-dokument,” qal Mark Anthony Sammut. “Nerġgħu nibnu fiduċja fis-sistema politika u imbagħad fuq dik il-fiduċja ġdida fil-politika, nibnu t-tama għal sistema ġdida, tajba, li taħdem b’mod ġust għal kulħadd, fid-diversi temi u setturi li ħa nkunu qed nindirizzaw.”

Hu qal li l-Labour irid li jkun hawn sens ta’ apatija – poplu li jitlef l-interess, jaqta’ qalbu, u jekk jista’ jkun ma jipparteċipax fil-proċess demokratiku… biex il-Labour jibqa’ jmexxi l-pajjiż kif jaqbel lilu.

Iżda Partit Nazzjonalista, kompla Mark Anthony Sammut, se jkun dik il-forza politika li turi mod differenti ta’ kif issir il-politika.