Futbol Sport Tazza Tad-Dinja 2022

Żewġ gowls fil-ħin miżjud jagħtu l-ewwel rebħa lill-Iran

(Ritratt: EPA)

WALES………….0

IRAN……………..2

B’żewġ gowls fil-ħin miżjud l-Iran għelbu lil Wales 2-0 biex kisbu l-ewwel rebħa fi Grupp B wara t-telfa ta’ 6-2 kontra l-Ingilterra.

Wara 12-il minuta Wales bl-ewwel ċans tal-partita kross ta’ Roberts lejn Moore li mil-kaxxa żgħira prova xutt li bi bravura l-goalkeeper Iranjan Hosseini laqa’ tajjeb. Erba’ minuti wara l-Iran jiskorjaw wara azzjoni maħduma sabiħa b’Ali Gholizadeh jikkonlkuldi fil-lasti iżda l-gowl kien imħassar mill-VAR wara li l-plejer Iranjan kien f’pożizzjoni ta’ offside.

Fid-29 minuta Gareth Bale jipprova mid-distanza iżda x-xutt tiegħu kien wisq ċentrali u Hosseini jilqa’ faċilment b’din tkun l-aħħar azzjoni tal-ewwel taqsima.

Seba’ minuti mill-bidu tat-tieni taqsima u l-Iran imorru viċin li jiftħu l-vantaġġ meta Sardar Azmoun irċieva pass fil-kaxxa u prova konklużjoni mill-viċin iżda bil-ballun ħabar mal-wieqfa u ġie għand Ali Gholizadeh li wkoll prova tentattiv li b’xorti tajba wkoll għal Wales reġa’ ħabat mal-wiefa bl-azzjoni tintemm b’daqqa ta’ ras ta’ Azmoun li spiċċat f’idejn Hennessey.

Ċans ieħor għall-Iran jasal fit-73 minuta meta permezz ta’ xutt minn tarf il-kaxxa ta’ Saeid Ezatolahi b’Hennessey iwettaq save tajjeb u jdawwar f’korner. Fit-84 minuta Hosseini wettaq save mill-isbaħ fuq ix-xutt ta’ Ben Davies bil-goalkeeper Iranjan idawwar f’korner. Fil-85 minuta Mhedi Taremi b’ħarba tajba minn kontrattakk Iranjan bil-goalkeeper ta’ Wales Wayne Hennessey joħroġ minn postu u jagħmel foul ikraħ fuq il-plejer tal-Iran. Inizzjalment ir-referee ura l-karta s-safra lil Hennessey iżda wara konsultazzjoni mal-VAR dawwar id-deċiżjoni u keċċa lil goalkeeper ta’ Nottingham Forest.

Bir-referee jagħti disa’ minuti ta’ ħin miżjud l-Iran jirnexxielhom jiskorjaw fit-tmien minuta meta s-sostitut Roozbeh Cheshmi b’xutt minn barra għeleb lil golakeeper sostitut Danny Ward. B’Wales jitfgħu kollox fuq l-attakk kienu l-Iran li ssiġillaw ir-rebħa meta minn kontrattakk kien Ramin Rezaeian li b’finezza tefa’ wara ward għal skor finali ta’ 2-0.