Ekonomija Kummerċ Lokali

Aktar nies jagħżlu l-offerti tal-Black Friday, iżda n-nefqa kienet anqas

“Black Friday qorbot għan-normalità, kien hemm żieda ta’ nies fil-ħwienet iżda nefqu inqas, iżda kien hemm sodisfazzjoni”, hekk sostniet il-Kap Eżekuttiv taċ-Chamber of SME’s, Abigail Agius Mamo, ġurnata wara l-inizjattiva tal-Black Friday. Tradizzjoni, li bdiet lura fl-1952, fejn il-konsumatur jingħata offerti vataġġjużi kemm mill-ħwienet kif ukoll online.

Meta tkellmet ma’ Net News, Abigail Agius Mamo stqarret li wara perijodu twil u diffiċli għal ħafna negozji minħabba l-Covid-19, tal-ħwienet kellhom aspettativa għall-Black Friday.

Ġie innotat li kien hemm żieda ta’ klijeni li ħarġu u marru fil-ħwienet, iżda jidher li nefqu inqas.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-SME’s tistqarr li ħafna sidien tan-negozji li tkellmu magħhom qalu li d-daqqa tal-inflazzjoni u l-għoli tal-ħajja kienet waħda mill-fatturi li kkawżat in-nuqas ta’ nfieq.

Din is-sena reġa’ kien konfermat li ħafna persuni f’dan il-jum, fittxew gadgets, appliances u apparat elettroniku fejn anke jekk dawn in-negozji bidlu l-istrateġija biex jagħmlu l-offerti tagħhom disponibbli fuq medda itwal ta’ żmien, in-nies xorta ghadhom ifittxu l-ġurnata ta’ Black Friday.

Bl-istess mod, ħwienet aktar affordabbli fl-industrija tal-ħwejjeġ u ġojjelerija marru aħjar milli kien mistenni. Dan filwaqt li ħwienet tad-ditti aktar għola ma marrux daqstant tajjeb meta mqabbla ma’ ħwienet li jbiegħu bi prezzijiet orħos.

Abigail Agius Mamo saħqet ukoll li s-sitwazzjoni ta’ din is-sena hi waħda similari għal dik ta’ żmien il-Covid, hekk kif in-nies qed jixtru l-bżonnijiet tagħhom mingħand ħwienet li huma aktar affordabbli.

Il-Kamra tal-SME’s tenniet li għalkemm huwa ċar li l-isfida tal-għoli tal-ħajja qed tagħmel pressjoni fuq is-soċjetà Maltija, l-avveniment tal-Black Friday mar tajjeb xorta waħda.