Lokali

“In-namra għal-logħob tan-nar tkun fik” – kliem Nardu Camilleri ma’ Net TV

“In-namra għal-logħob tan-nar tkun fik”.

Kienu dawn il-kliem eżatti li qalilna Nardu Camilleri 12-il sena ilu, meta Net Television intervistah għall-programm NAR; karattur mill-aktar umli ta’ raġel li din is-sena reġa’ beda jaħdem in-nar, wara inċident ftit tas-snin ilu.

Titkellem ma’ min titkellem, kulħadd jgħidlek li Nardu kien jagħti qalbu għal dan id-delizzju li tant kien iħobb.

Fil-fatt, l-eks licensee tal-Kamra tan-Nar San Ġużepp ta’ Ħal Kirkop kellu passjoni kbira għall-piroteknika, speċjalment għal kif żviluppa dan id-delizzju fost il-Koppin.

F’din l-intervista, “iż-Żurrieqi” – kif kienu jafuh sħabu tan-nar – kien kellimna wkoll dwar il-fatt li l-piroteknika mhux biss hija arti, imma hija wkoll delizzju li tgħaqqad lin-nies bħal familja.

Waqt il-programm NAR tal-2010, Camilleri kien kellimna anke fuq l-effetti li jħallu t-traġedji tal-piroteknika fuq id-dilettanti. U kien propju dan id-delizzju li ħasad il-ħajja ta’ Nardu, fl-età ta’ 64 sena.