Internazzjonali

Jillimitaw id-dawl tal-Milied minħabba l-kriżi tal-enerġija

Numru ta’ bliet fl-Ewropa qed jillimitaw id-dwal li se jinxtgħelu matul il-perjodu tal-Milied, minħabba ż-żieda enormi fil-kontijiet tad-dawl u tal-enerġija, waħda mir-raġunijiet li qed tikkawża zieda estensiva fil-kontijiet hi l-invażjoni Russa fuq l-Ukrajna.

Fost diversi pajjiżi li preżentament qed jaffaċċjaw pressjoni kbira fil-provistà tagħhom minħabba l-kriżi tal-enerġija, hemm Londra, hekk kif id-dwal famużi f’Oxford Street se jkunu qed jinxtegħlu biss għal tmien sigħat kuljum.

Fost bliet oħra li se jkunu qed inaqqsu d-dawl festiv tagħhom hemm ukoll Dublin, Stokkolma u Liżbona.

Studju li sar riċentament bassar li dan it-tnaqqis fid-dawl dekorattiv se jaffettwa b’mod negattiv il-bejgħ matul żmien il-Milied.

Min-naħa tagħha, is-Sindku ta’ Pariġi, ipproponiet li d-dwal fuq it-torri Eiffel jibdew jintfew siegħa aktar kmieni mis-soltu. Dan filwaqt li fil-villaġġ ta’ Livigno, fl-Italja, ġie deċiż li minflok jintefqu l-fondi fuq dwal, il-flus se jingħataw lill-familji fiż-żona li m’humiex ilaħħqu mal-ħajja minħabba l-kriżi.

Intant fl-aħħar sigħat, il-Prim Ministru tal-Ukrajna Volodymyr Zelensky ikkritika bl-aħrax lis-sindku ta’ Kiev minħabba li x-xelters ta’ emerġenza li twaqqfu fl-aħħar xhur għar-residenti ta’ din il-belt m’humiex attrezzati kif suppost – dan għaliex la hemm dawl u lanqas central heating. F’laqgħa li saret l-Ġimgħa filgħaxija, Zelensky insista li s-sindku ta’ Kiev m’huwiex jagħmel bizejjed biex jgħin lir-residenti tal-belt. Dan għaliex minflok ma jtaffilhom ftit mil-piż u l-isfidi li qed iġib magħha l-gwerra, ħafna residenti qegħdin jbatu mill-faqar minħabba li jinsabu mċaħħda minn affarijiet bażiċi, filwaqt li appella lis-sindku sabiex jittieħdu l-miżuri neċessarji ħalli s-sitwazzjoni titjieb minnufih.