Lokali

L-informazzjoni fir-Reġistru tal-Benefiċjarji Effettivi għandha tibqa’ aċċessibbli għall-ġurnalisti u għas-soċjetà ċivili – PN

Il-Partit Nazzjonalista jqis id-deċiżjoni tal-Malta Business Registry (MBR) li jagħlaq l-aċċess għall-informazzjoni miżmuma fir-Reġistru tal-Benefiċjarji Effettivi (Register of Beneficial Owners) bħala waħda manifestament sproporzjonata u mgħaġġla.

Fi stqarrija, il-kelliem għall-ġustizzja tal-Partit Nazzjonalista Karol Aquilina flimkien mal-Kelliem għall-Ekonomija Ivan J. Bartolo qalu li filwaqt li huwa minnu li f’sentenza li ngħatat ftit tal-jiem ilu mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ġie deċiż li l-informazzjoni dwar il-benefiċjarji effettivi tal-kumpaniji m’għandhiex tkun aċċessibbli għal kulħadd, l-istess Qorti rrikonoxxiet u enfasizzat li l-informazzjoni għandha tkun aċċessibbli għal min għandu interess leġittimu fosthom il-ġurnalisti u s-soċjetà ċivili.

Id-deċiżjoni tal-Malta Business Registry tfisser li l-ġurnalisti u s-soċjetà ċivili ser jiġu mċaħħda minn għodda essenzjali fit-tfittxija tal-verità u l-kxif tal-abbużi bil-għan li jissaħħu d-demokrazija u l-governanza tajba f’pajjiżna.

Għalhekk il-Partit Nazzjonalista jistenna li l-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri jagħti direttiva ċara lill-Malta Business Registry sabiex bħala Aġenzija tal-Gvern b’mod immedjat tagħti aċċess liberu, sħiħ u miftuħ lill-ġurnalisti u lis-soċjetà ċivili għall-informazzjoni li tinżamm fir-Reġistru tal-Benefiċjarji Effettivi.

Il-Partit Nazzjonalista jistenna wkoll li mingħajr dewmien il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard u l-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembrii jippreżentaw abbozz ta’ liġi li permezz tiegħu l-liġi Maltija tkun tirrifletti dak li ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u bil-għan li d-dritt tal-ġurnalisti u tas-soċjetà ċivili li jkollhom aċċess għall-informazzjoni li tinżamm fir-Reġistru tal-Benefiċjarji Effettivi jkun imniżżel u rikonoxxut b’mod ċar fil-liġijiet ta’ pajjiżna.

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li minn Ottubru 2020 l-informazzjoni dwar kumpaniji li ġew maqtugħa mir-reġistru tal-kumpaniji ma baqgħetx aċċessibbli onlajn mill-Malta Business Registry bl-iskuża li li kien hemm il-ħtieġa li jitnaddaf ir-reġistru tal-kumpaniji minn dawk il-kumpaniji li m’għadhomx attivi. Dan seħħ b’detriment għad-dritt għall-informazzjoni li għandhom igawdu l-ġurnalisti, is-soċjetà ċivili u l-pubbliku in ġenerali.