Lokali

AĠĠORNATA: Tliet splużjonijiet fil-Kamra tan-Nar San Ġużepp ta’ Ħal Kirkop

Membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ġew imsejħa f’Ħal Safi kmieni dalgħodu wara li tliet splużjonijiet heżżew il-Kamra tan-Nar ta’ San Ġużepp.

L-isplużjonijiet instemgħu sew minn diversi lokalitajiet fin-naħa t’isfel ta’ Malta, ftit wara s-7am. Splużjoni oħra, mhux daqstant kbira, instemgħet madwar 40 minuta wara.

Rapporti qed jgħidu li mal-ħin tal-isplużjoni persuna ħarġet immedjatment mil-kamra u bdiet tingħata assistenza medika fuq il-post. Iktar tard persuna oħra ħarġet mill-kamra tan-nar u jidher li ttieħdet l-Isptar Mater Dei għal iktar kura.

Nies fiz-zona raw daħna kbira tiela’ mill-Kamra tan-Nar, bil-Pulizija, ambulanzi u l-uffiċjali tas-CPD jaslu immedjatament fil-post.

Bosta persuni li tkellmu ma’ Net News qalu li mal-ħin tal-isplużjoni ħassew il-ħġieġ tad-dar tagħhom jitriegħdu.

F’post fuq il-media soċjali l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Kirkop qal li jinsb maħsud b’dan l-inċident filwaqt li juri solidarjeta ma’ dawk kollha involuti.

Aktar dettalji fil-ħin li ġej.