Sport Sport Ieħor

Bowling: OKMalta.com jirbħu s-seba kampjonat konsekuttiv

OKMalta.com rebħu l-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni tal-bowling għas-seba’ staġun konsekkutiv. Huma rnexxielhom iżommu t-titlu fl-aħħar logħba ta’ dan l-istaġun kontra l-avversarji Tm Brunswick li spiċċaw fit-tieni post.

It-tim ta’ Sue Abela, Tm Brunswick, kellhom opportunità biex jieħdu l-league mir-rivali tagħhom f’din il-logħba deċiżiva, iżda kellhom bilfors jirbħu t-tliet logħbiet kollha minn din il-partita b’vantaġġ konsiderevoli sabiex jaqilbu t-tiebreaker ta’ pinfall totali. Minn naħa l-oħra t-tim OKMalta.com kellhom bżonn jirbħu jew jiksbu draw f’logħba waħda biss sabiex jikkonfermaw titlu ieħor. L-ewwel logħba marret kif xtaqu l-isfidanti Tm Brunswick wara li mhux biss kisbu l-ewwel logħba, imma wkoll skurjaw l-aqwa logħba bħala tim mill-istaġun sħiħ fost it-timijiet kollha fl-Ewwel Diviżjoni. Tm Brunswick spiċċaw l-ewwel logħba bi skor finali ta’ 954 fost l-erba’ plejers tagħhom (punteġġi individwali kienu: 245-257-268-184).

Minkejja l-logħob brillanti ta’ Tm Brunswick, OKMalta.com baqgħu jinsistu u meta kienu għadhom indaqs fi tmiem it-tieni logħba, iċ-champions renjanti rnexxielhom jisstrajkjaw fl-aħħar żewġ frames sabiex ikkonfermaw ir-renju tagħhom bħala l-aqwa tim tal-bowling f’Malta. Huma spiċċaw rebħu din il-logħba bil-punteġġi finali 797-836.

It-tim ta’ OKMalta.com dan l-istaġun kien jikkonsisti minn Dennis Mercieca, Kenneth Arpa, Rankin Camilleri, Mauro Anastasi, u ż-żagħżugħ Nicholas Muscat filwaqt li Tim Brunswick kien iffurmat minn Sue Abela, Kayden Laganà, Nicolai Mallia, Chris Fenech, Daniel Grech, u Matthew Magro

Fit-tielet post spiċċaw it-tim Supersoni bil-plejers Matthew Muscat, Daniel Ricciari, Kyle Patrick Camilleri, Clayton Zammit Cesare, u Giancarlo Tolu.