Lokali

ESKLUSSIVA: Ħut Leonard Camilleri jfissru kif għalihom kienet “sajjetta fil-bnazzi”

“Kienet sajjetta fil-bnazzi, Leonard miet bid-delizzju li tant kien iħobb. Kien bniedem b’qalb tad-deheb u ta’ ftit kliem.”

Hekk kien deskritt minn ħutu Leonard Camilleri, ir-raġel li kmieni s-Sibt filgħodu tilef ħajtu fl-isplużjoni li seħħet fil-Kamra tan-Nar San Ġużepp ta’ Ħal Kirkop.

Leonard kien il-kbir fost ħames aħwa, Carmen, Lucy, Phillis u Tania. Lucy Polidano tiddeskrivilna kif Leonard kien raġel ta’ ftit kliem li kien jiftaħ qalbu magħha għax ta’ spiss kien imur iżurha. B’qalbha maqsuma tirrakkontalna kif kien jgħidilha li mnalla kellu lilha għax ma kellu lil ħadd peress li kien ġuvni, Lucy tgħid li Leonard kien jixbah ħafna lil ommhom għax kellu l-istess karattru tagħha.

“Qishom żewġ anġli fis-sema.. issa fis-sema għandna lit-tnejn li huma”.

Hija tispjega kif in-namra li kellu lejn il-logħob tan-nar vera kienet għal qalbu fejn kien il-ħin kollu jsemmi lil San Ġużepp. Lucy tgħid li ħuha miet bid-delizzju li tant kien iħobb.

Dak il-mument li semgħet l-isplużjoni Lucy ħarġet tiġri ‘l barra u l-ewwel ma ħasbet kien fih u fit-tifel tagħha għax it-tnejn kienu ffissati fil-piroteknika. Tirrakkonta kif pruvat iċċemplilhom u għall-ewwel it-tifel tagħha ma bediex jirrispondiha iżda ftit wara ħadet ir-ruħ għax kellimha. Iżda xorta waħda baqgħet inkwetata għax Leonard baqa’ qatt ma rrisponda l-mobile. Tispjega kif binha tela’ ħdejn il-kamra tan-nar u ftit wara ċemplilha u qallha li x’aktarx kien iz-ziju Leonard li sfortunatmanet kien il-vittma ta’ din l-isplużjoni.

“Il-ħin kollu nsemmih, kien jintefa’ fuq is-siġġu fil-kċina fl-istess post li fih kienet tpoġġi ommna. Kont ngħidlu oqgħod hawn miegħi… inti qatt ma ddejjaqni”.

Ħutu kollha kelma waħda… kemm kien iħobb lill-familja u kemm kien jieħu gost iqatta’ ħin magħhom.

S’issa għadu mhux magħruf meta se jsir il-funeral ta’ Nardu Camilleri hekk kif l-inkjesta dwar dan l-inċident għadha għaddejja.

Ara l-intervista sħiħa billi tagħfas hawn.