Lokali

Ħaddiema Laburisti fil-PBS huma infurjati għaċ-Chairman li jrid jintroduċi sistema ta’ penalizzazzjoni ta’punti għal min jagħmel żbalji fl-istazzjon

Dak li għaddej bħalissa fil-Public Broadcasting Services (PBS) qed iġib għajb u rabja kbira fost il-ħaddiema tal-istess stazzjon nazzjonali, l-aktar ta’ dawk li ilhom għal snin twal jappoġġjaw lill-Partit Laburista.

Sorsi infurmati fil-Public Broadcasting Services fil-jiem li għaddew tkellmu b’mod kunfidenzjali ma’ Il-Mument u qalulna li fl-aħħar minn sensiela ta’ deċiżjonijiet kontroversjali li ħa Mark Sammut, li hu ċ-Chairman, jirriżulta li se jkun qed idaħħal sistema fejn dawk il-ħaddiema li jkunu kkommetew xi żball fil-post tax-xogħol tagħhom mhux biss tinħarġilhom twissija, iżda wkoll jitnaqqsulhom il-punti f’sistema simili bħall-kontravenzjonijiet tat-traffiku.

Din is-sistema tista’ twassal biex jitkeċċew xi ħaddiema għaliex jew b’negliġenza jew bi żball ġenwin l-impjieg tagħhom se jkun imdendel b’sistema ta’ penalizzazzjoni mnedija miċ-Chairman.

Is-sorsi infurmati li tkellmu ma’ Il-Mument qalulna li ftit tal-ġimgħat ilu, ftit qabel il-bidu tal-iskeda l-ġdida tal-Public Broadcasting Services, saret laqgħa li fiha ċ-Chairman Mark Sammut sejjaħ lin-nies tekniċi u esprima d-diżappunt tiegħu għal diversi nuqqasijiet li kienu qed iseħħu u li xi wħud minnhom anke dehru fuq l-istazzjonijiet tal-istess Public Broadcasting Services.

Kien hawn li ċ-Chairman ħareġ bl-invenzjoni ġenjali ta’ sistema ta’ tnaqqis tal-punti lill-impjegati. Ġara li għall-kuntrarju li jsir is-soltu fejn waqt il-laqgħat tal-Management ħadd ma jitkellem għax jibżgħu minnu, kien hemm xi impjegati li oġġezzjonaw għal din is-sistema.

Dawn instemgħu anke fil-kuruturi tal-istazzjon jgħidu li ċ-Chairman Mark Sammut ma jistax jaqbad u jdaħħal sistemi ta’ dixxiplina jekk ma jkunx hemm l-approvazzjoni tal-union, jiġifieri tal-General Workers’ Union. Wara l-laqgħa nstemgħu xi ħaddiema jgħidu: “Mhux hekk. Qalbu għal virtual reality u ħallewna bla taħriġ u issa jippretendu li mhux se nieħdu żbalji. Mhux hekk nibqgħu!”

L-argument tant eskala li ċ-Chairman mis-sular ta’ fuq fejn saret il-laqgħa niżel sas-sular ta’ taħt nett u mar dritt fl-uffiċċju ta’ dawn l-impjegati mid-Dipartiment tad-Direzzjoni u sfidahom li jekk kellhom xi ħaġa li ma jaqblux miegħu jgħidulu f’wiċċu u mhux isaħħnu lill-ħaddiema l-oħra. Is-sitwazzjoni kompliet teskala b’ħafna storbju u

kommossjoni tant li wieħed minn dawn l-impjegati ħassu ħażin u kellu jkun rikoverat.

Din mhux l-ewwel darba li ċ-Chairman Mark Sammut impika u sfida lill-impjegati bl-iskuża li jrid xogħol aħjar u b’inqas infiq. Riċentament malli bdiet l-iskeda l-ġdida minn Ottubru, Mark Sammut ta struzzjonijiet ġodda biex titnaqqas drastikament is-sahra ta’ ċerti ħaddiema.

Dan ġab rabja kbira fost l-impjegati Laburisti tal-Public Broadcasting Services li tennew li għal min irid iċ-Chairman japprova s-sahra, b’referenza diretta għal ħaddiem partikolari li riċentament iċ-Chairman tah promozzjoni u tellgħu fil-grad ta’ direttur.

Dan id-direttur hu l-istess persuna li fis-sajf li għadda beda jdur l-uffiċini tal-Public Broadcasting Services bil-formoli tat-tesserament tal-Partit Laburista.

“Għal dan ma hemmx tnaqqis ta’ punti, imma aħna Laburisti u qatt ma ġejna niġbru l-flus tat-tesseri fil-post tax-xogħol,” stqarr ħaddiem magħna. L-istess ħaddiem qalilna li s-sitwazzjoni tant hi gravi fil-Public Broadcasting Services li ma kellhom ebda triq oħra ħlief li jirrapportaw kollox li qed jiġri lill-Ministru Owen Bonnici.

Il-Mument jinsab infurmat li Owen Bonnici, li hu l-Ministru responsabbli mill-Public Broadcasting Services, irċieva diversi lmenti kemm bit-telefon u anke waqt laqgħat privati minn ħaddiema tal-Public Broadcasting Services… kollha kemm huma b’ilment komuni – dak li taħt dan iċ-Chairman il-Public Broadcasting Services qed jitkisser u miegħu qed jitkissru l-ħaddiema.

“Min-naħa tiegħu Owen Bonnici dejjem bl-istess risposta lesta fil-komma u milli jidher se jibqa’ dak li kien.. ċioè li hu għandu jdejh marbuta u ma jista’ jagħmel xejn għaliex liċ-Chairman Mark Sammut mhux hu appuntah iżda l-Prim Ministru Robert Abela!”

Robert Abela kien appunta lil sieħbu Mark Sammut bħala Chairman sitt xhur wara l-Gvern kien appunta l-Bord tad-Diretturi tal-Public Broadcasting Services b’Carmen Sammut fir-rwol ta’ Chairperson. Mark

Sammut ilu jiekol minn diversi ħluq kemm ilu l-Partit Laburista fil-Gvern b’diversi kuntratti li hu ngħata permezz tal-kumpaniji tal-IT tiegħu. Il-Gvern Laburista appuntah ukoll bħala direttur fil-kumpanija Malta Air Travel Ltd.

Bħalissa, apparti mirr-rwol ta’ direttur fil-kumpaniji privati tiegħu Cursor Ltd u Mall Systems Ltd, Mark Sammut hu wkoll azzjonist f’CY Investments Ltd, Why Properties, MYS Investments Ltd u Hotel Damiani li sa ftit tas-snin ilu kienet qed taħdem mingħajr il-liċenzja tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu (MTA).