Internazzjonali

Iċ-Ċina: Għadab rari għall-Gvern ta’ Xi Jinping

Intensifikaw il-protesti kontra l-miżuri ‘super-stretti’ tal-Gvern Ċiniż dwar il-Covid-19, b’aktar ċittadini jisfugaw ir-rabja għall-awtoritajiet komunisti fil-pubbliku. Dan meta l-Gvern tal-President Ċiniż Xi Jinping ikkalkula ħażin l-għadab tal-poplu dwar il-politika intiża għal ‘zero każi tal-Covid’ u li Xi Jinping (ritratt) qed jinsisti biha akkost ta’ kollox u minkejja l-weġgħat tan-nies.

L-akbar protesti  saru f’Shangai, li hi l-akbar belt taċ-Ċina, u  fejn seħħew numru sinifikanti ta’ arresti. Spikka fuq kollox l-għajjat għar-riżenji ta’ Xi Jinping u l-Gvern komunista li huma żvilupp uniku fiċ-Ċina, fejn kull kritika għall-President u l-amministrazzjoni tirriżulta fil-pieni ħorox ħafna. 

Intant, anki l-istudenti mexxew dimostrazzjonijiet simili fl-universitajiet ta’ Beijing u Nanjing – bil-protesti jsegwu dimostrazzjoni ta’ rabja fil-belt ta’ Urumqi, fejn mietu talanqas għaxra f’nirien li qabdu fi blokk bini.

Mifhum li l-vittmi setgħu jsalvaw  li kienu l-awtoritajiet lokali kienu ftit aktar flessibbli fl-amministrazzjoni tar-regoli dwar il-lockdown dovut għall-Covid.

Fil-fatt, l-uffiċjali komunisti f’Urumqi ħarġu apoloġija rari wara t-traġedja filwaqt li wiegħdu li ‘jirristawraw il-kalma’ b’direttivi ġodda għat-tnaqqis tar-restrizzjonijiet u li n-nies qegħdin iqisuhom bħala ‘tard wisq’.