Futbol Sport Tazza Tad-Dinja 2022

Il-Costa Rica tikseb it-tliet punti b’xutt wieħed fil-lasta

(Ritratt: EPA)

Xutt wieħed u tliet punti. Din kienet it-triq li wasslet lill-Costa Rica lejn l-ewwel rebħa fil-grupp. F’logħba li ftit emozzjonata lil dawk li segwewha, il-Costa Rica rnexxielha tirkupra mill-umilazzjoni kontra Spanja u ħalliet it-tamiet ta’ kwalifikazzjoni miftuħa.

Fl-ewwel taqsima l-ebda tim ma ħoloq azzjoni li wasslet għal xutt lejn il-lasta. Kien biss fl-ewwel sekondi tat-tieni taqsima li l-Ġappun ħolqot okkażjoni permezz tas-sostitut Takuma Asano b’xutt li Keylor Navas salva. Ftit wara xutt ta’ Watara Endo ġie blokkat fil-ħin filwaqt li tentattivi ta’ Kou Itakura u Wataru Endo ma nkwadrawx il-lasta. Fit-63 minuta, free-kick ta’ Yuki Soma għadda fuq il-mimduda.

Il-Costa Rica marret fil-vantaġġ fit-80 minuta kontra x-xejra tal-logħob. Il-Ġappuniżi tilfu l-pussess quddiem il-kaxxa tagħhom, Yeltsin Tejeda qassam lejn KEYSHER FULLER li kkontrolla l-ballun u b’xutt mibrum indirizza l-lasta. Il-gowlkiper Ġappuniż Shuichi Gonda deher li seta’ jsalva x-xutt iżda nqabad barra u seta’ biss imiss il-ballun li baqa’ dieħel fix-xibka. Dan kien l-ewwel xutt tal-Costa Rica fil-partita.

L-unika reazzjoni tal-Ġappun sa tmiem il-logħba waslet fit-88 minuta. Azzjoni ta’ Mitoma mix-xellug u passaġġ lura lejn Kamada. Navas salva b’siequ x-xutt fil-baxx u Asano falla kompletament li jolqot, bil-gowlkiper tal-Costa Rica jirnexxilu jaħtaf il-ballun.