Futbol Sport Tazza Tad-Dinja 2022

Il-Kroati jsaħħu t-tamiet tal-kwalifikazzjoni … il-Kanada t-tieni pajjiż eliminat

(Ritratt: EPA)

Il-Kroazja rkuprat mid-draw kontra l-Marokk u b’wirja pożittiva rebħet 4-1 kontra l-Kanada. B’dan ir-riżultat, il-Kanadiżi sfaw eliminati matematikament hekk kif baqgħu mingħajr punt.

Il-Kanada kellha bidu mill-aqwa u marret fil-vantaġġ wara biss żewġ minuti. Minn kross mil-lemin ta’ Tajon Buchanan, daħal ALPHONSO DAVIES u b’daqqa ta’ ras fuq il-ġirja għeleb lil Dominik Livakovic.

Il-Kroazja bdiet tistejqer wara l-ħasda inizjali u fis-26 minuta kienet prattikament ġabet id-draw. Andrej Kramaric irċieva passaġġ mingħand Marko Livaja u sab ix-xibka b’konklużjoni fil-baxx għar-rokna iżda l-gowl tħassar għal offside ta’ Livaja.

Il-gowl tad-draw wasal fis-36 minuta. Din id-darba kien passaġġ ta’ Ivan Perisic lejn ANDREJ KRAMARIC li għeleb Borjan. Qabel tmiem l-ewwel taqsima, it-tim ta’ Zlatko Dalic mar fil-vantaġġ. MARKO LIVAJA rċieva mingħand Josip Juranovic u b’konklużjoni għar-rokna għeleb lil Borjan.

Il-Kanada kellha bidu tajjeb fit-48 minuta u għal ftit ma ġabitx id-draw permezz ta’ Jonathan Osorio li kellu tentattiv li għadda ftit barra. Sitt minuti wara fuq in-naħa l-oħra, Borjan kien providenzjali biex salva l-konklużjoni ta’ Kramaric. Żewġ minuti wara, ċans għal Kanada b’xutt ta’ Jonathan David li kien salvat b’diffikultà minn Livakovic.

Il-Kroati aċċertaw ruħhom mir-rebħa fis-70 minuta. Ivan Perisic minn fuq ix-xellug qassam lejn ANDREJ KRAMARIC li żmarka ruħu tajjeb u għeleb għat-tieni darba personali lil Borjan. Huma ssiġillaw ir-rebħa lejn it-tmiem b’LOVRO MAJER ikompli għal ġewwa wara passaġġ ta’ Mislav Orsic minn kontrattakk.