Lokali

Il-Ministru Clint Camilleri jitfa’ t-tort fuq is-Segretarju Permanenti John Borg

Kollox hu antiċipat li l-każ tat-tliet Uffiċjali Għawdxin akkużati li b’mod involontarju kkaġunaw il-mewt ta’ ħaddiem Għawdxi f’Marzu li għadda fid-Dwejra ,se jibda jinstema’ quddiem il-Qorti ta’ Għawdex fl-1 ta’ Diċembru li ġejjin.

Fiċ-ċentru ta’ din l-istorja huma Vicky Xuereb ta’ 43 sena mill-Munxar, hi waħda minn żewġ Diretturi Ġenerali tad-Diviżjoni tal-Istrateġija u l-Appoġġ tal-Ministeru u li għandha taħtha diversi diretturi li jkopru l-proġetti, l-iżvilupp, it-tiswijiet u t-toroq; Joseph Cutajar ta’ 43 sena mir-Rabat li hu d-Direttur ta’ EcoGozo u li taħtu taqa’ r-responsabbiltà tal-latrini f’Għawdex; u Joseph Xuereb ta’ 54 sena mix-Xewkija li għandu l-kariga ta’ Senior Foreman fil-Ministeru għal Għawdex u li sa ftit tas-snin ilu kien Nursing Aid jew Health Assistant iżda darba l-Partit Laburista ħa t-tmexxija tal-Gvern, dan ittieħed mill-ewwel fil-Ministeru għal Għawdex u sar Foreman, anzi, eventwalment ingħata wkoll il-kariga ta’ Senior Foreman.

Vicky Xuereb, Joseph Cutajar u Joseph Xuereb huma akkużati li b’mod involontarju kkaġunaw il-mewt ta’ Carmel Attard li kien ħaddiem tat-Taqsima tal-Manutenzjoni f’Għawdex.

Din il-gazzetta Il-Mument, li fl-aħħar ġimagħtejn irrapportat b’mod dettaljat dwar dan il-każ, fil-jiem li għaddew kompliet tinvestiga dan il-każ, b’mod partikulari d-deċiżjoni meħuda mill-Ministru Clint Camilleri li jassigura li t-tliet Uffiċjali inkwistjoni ma jkunux sospiżi mis-suppost qadi tad-doveri tagħhom. Ngħidu “suppost qadi tad-doveri tagħhom” għaliex l-ajru għandu għajnu u l-ħajt għandu widintu u f’Għawdex kulħadd jaf kemm dawn jimmilitaw fil-post tax-xogħol rispettiv tagħhom!

U żvilupp ġdid f’dan il-kwadru kollu hu li issa l-Ministru Clint Camilleri qed jitfa’ t-tort għall-fatt li dawn it-tliet Uffiċjali ma kenux sospiżi minn xogħolhom fuq John Borg, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għal Għawdex.

Qed jingħad issa li kien John Borg fir-rwol tiegħu ta’ Segretarju Permanenti fil-Ministeru għal Għawdex, li ta l-parir lill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku biex dawn it-tliet Uffiċjali ma jkunux sospiżi minn xogħolhom sakemm jispiċċaw l-investigazzjonijiet u l-proċeduri fil-Qorti fil-konfront tagħhom.

Inkredibbli kif dan il-Gvern Laburista jagħmel l-affarijiet u juża kejl differenti skont l-uċuħ tan-nies. Diġà żvelat din il-gazzetta kif il-mod kif il-Ministru Clint Camilleri din id-darba mexa b’mod kompletament differenti minn kif il-Ministeru għal Għawdex kien aġixxa f’Awwissu tal-2017 meta numru ta’ persuni kienu sospiżi mill-qadi tad-doveri tagħhom minħabba investigazzjonijiet dwar għoti ta’ kuntratti għal xogħol f’Għawdex.

Qed nirriferu għall-każ tad-Direttur Mark Formosa u tal-Perit Anġelo Portelli li flimkien ma’ oħrajn kienu spiċċaw kienu sospiżi mill-qadi tad-doveri tagħhom… imma dakinhar dawn kienu persuni qrib il-Ministru Anton Refalo… li inċidentalment mhux ben vist ma’ ta’ Kastilja!

Issa f’dan il-każ il-Ministru Clint Camilleri ħareġ għonqu biex it-tliet Uffiċjali tal-istess Ministru u li tressqu l-Qorti akkużati li b’mod involontarju kkaġunaw il-mewt ta’ ħaddiem mit-Taqsima tal-Manutenzjoni, ma jkunux sospiżi mill-qadi tad-doveri tagħhom.

Kif żvelajna diġà sorsi infurmati allegaw ma’ Il-Mument li din id-deċiżjoni ttieħdet purament għaliex dawn l-Uffiċjali mressqa l-Qorti huma kkunsidrati bħala “tal-Ministru” u għalhekk mill-Ministeru għal Għawdex inħarġet din l-ordni li fiha kien rakkommandat li t-tliet Uffiċjali m’għandhomx ikunu sospiżi sakemm jitlesta l-proċess ġudizzjarju u anke minħabba li għandhom “rekord eżemplari”!

Deċiżjoni li tikkontrasta ħafna wkoll mad-deċiżjoni li ħa fil-jiem li għaddew il-Ministru Jo Etienne Abela fid-dawl ta’ erba’ carers li allegatament użaw forza eċċessiva fuq anzjani fir-Residenza tal-Anzjani San Vincenz de Paul u liema erba’ carers kienu sospiżi mill-qadi tad-doveri tagħhom sakemm jitlestew l-investigazzjonijiet tal-Pulizija u anki dawk interni.

Issa l-kolpa tax-xenarju kollu l-politiku tefagħha fuq is-Segretarju Permanenti li x-xogħol tiegħu hu proprju li jkun ta’ għassies fuq l-istess politiku biex meta jkun se jiżgarra jew jidħol ġol-ħajt, jagħfaslu l-brejkijiet. Għal darba oħra f’dan il-każ u kif ġara ripetutament fis-snin li għaddew, John Borg bħala Segretarju Permanenti fil-Ministeru għal Għawdex ma kienx kapaċi jsib il-pedala tal-brejk… bil-politiku jispiċċa jieħu deċiżjonijiet assurdi u tal-mistħija.

Għaliex hu inkonċepibbli kif jista’ jkun hemm tliet Uffiċjali f’karigi mill-aktar importanti f’Ministeru li jispiċċaw akkużati li b’mod involontarju kkaġunaw mewta ta’ ħaddiem li ntbagħat jaħdem f’latrina perikoluża li kienet inbniet illegalment u dawn it-tliet Uffiċjali – li anqas perit ma kienu qabbdu biex imur jara minn qabel ix-xogħlijiet, jispiċċaw ma jkunux sospiżi mill-qadi tad-doveri tagħhom!

Naturalment ix-xenarju dwar dan kollu jkompli jaggrava ruħu bil-fatt li dawn huma tliet Uffiċjali li qed jiffaċċjaw akkużi ferm serji b’każ li direttament hu konness mal-qadi tad-doveri tagħhom. U kif żvelajna nhar il-Ħadd li għadda… il-periklu tal-intraċċ tal-provi għaliex dawn it-tliet Uffiċjali għandhom taħthom għadd ġmielu ta’ ħaddiema li għad iridu jixhdu fil-ġurament!

Tajjeb li jingħad li dawn it-tliet Uffiċjali, kemm-il darba jinstabu ħatja ta’ din il-mewta involontarja, jistgħu jeħlu sa erba’ snin priġunerija.

Osservazzjoni ċkejkna oħra li twasslet lilna fil-jiem li għaddew hi fis-sens li d-deċiżjoni meħudha mill-Ministru Clint Camilleri li dawn it-tliet Uffiċjali ma jkunux sospiżi mill-qadi tad-doveri tagħhom, fiha nnifisha tpoġġi wkoll ħafna pressjoni żejda fuq il-Maġistrat li se jkun qed jisma’ dan il-każ delikat.