Lokali

“Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jkun fuq quddiem nett biex imexxi liġijiet li jipproteġu l-ħajja” – Bernard Grech

Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jkun fuq quddiem nett biex imexxi ligijiet li jipproteġu l-ħajja. Kliem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’intervista li saritlu l-Ħadd filgħodu. Huwa saħaq li  l-Partit Nazzjonalista qed joħroġ b’saħħtu kontra l-liġi li jrid idaħħal il-Gvern ta’ Robert Abela għax twassal l-introduzzjoni tal-abort f’pajjiżna.

Sostna li Robert Abela jieħu deċiżjonijiet biex iżid il-voti, fejn il-Gvern qed jispiċċa jieħu deċiżjonijiet li jrid id-Deputat Mexxeja Laburista Chris Fearne… turija ċara tal-qasma li hemm fi ħdan il-Partit Laburista.

Bernard Grech qal li kulħadd irid isemma leħnu u jitkellem dwar din is-sitwazzjoni.. fejn f’pajjiżna għandna Prim Ministru li mhux jammetti li se jdaħħal l-abort f’pajjiżna.

Dwar il-ħatra tal-Kummissarju tal-Istandards, Bernard Grech staqsa għala l-Gvern immexxi minn Robert Abela irid lil persuna partikolari biex tkum hi f’din il-kariga.

Huwa qal li sfortunatmanet f’pajjiżna hemm politiċi fosthom il-Ministri Owen Bonnici, Byron Camilleri, Ian Borg u Aaron Farrugia li għamlu nuqqasijiet kbar fosthom fit-toroq u l-problema tat-traffiku kif ukoll fil-każ tal-abbuż li sar fl-Orkestra Nazzjonali. U quddiem dan kollu Robert Abela qed jippresedi fuq kollox u jaqbeż għalihom u mhux jieħu responsabbiltà ta’ dak li qed iseħħ.

Bernard Grech qal li huwa l-obbligu tal-politiċi li jaraw li l-affarijiet isiru sew u ma jseħħux iktar traġedji bħalma kien hemm matul din il-ġimgħa. Fir-rigward tal-każ tal-femiċidju, huwa qal li għandna pajjiż li falla lin-nisa. Għalhekk huwa importanti li l-edukazzjoni tibda minn meta t-tfal ikunu għadhom żgħar.

Bernard Grech qal li l-problema ta’ backlog fil-każi ta’ vjolenza domestika li hemm fil-Qorti hija tort ta’ nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tal-Gvern. Dan hekk kif hemm biss Maġistrat waħda biex tisma’ dawn il-każi kollha.

Huwa qal li pajiżna għandu bżonn politiċi li jagħmlu l-ħajja tan-nies aħjar u mhux biex ikunu aġevolati huma. Fid-dawl ta’ dan il-Partit Nazzjonalista huwa kommess li jkun relevanti sabiex in-nies ikollhom iktar fiduċja fi ħdan il-Partit.