Lokali

Il-vapur t’Għawdex ilu tliet kwarti f’nofs ta’ baħar biswit Kemmuna

Matul il-jum tal-Ħadd it-temp ħoloq kaos totali fil-Fliegu.

Dan hekk kif matul il-ġurnata kollha, kawża ta’ riħ qawwi li laqgħat lil pajjiżna, il-vapuri tal-Gozo Channel spiċċaw maqbuda f’nofs ta’ baħar ħdejn Kemmuna għal tul ta’ ħin.

Jidher li minn kmieni filgħodu, il-vapuri bdew jitilqu mill-port tal-Imġarr iżda meta bdew jaslu fil-port taċ-Ċirkewwa, dawn ma setgħux jirmonkaw mal-moll. Dan minħabba li r-riħ u l-baħar qawwi m’għamluha xejn faċli għall-ħaddiema li kienu jinsabu fuq il-moll, b’riżultat li kienu jissugraw ħajjithom kieku pprovaw jorbtu l-vapuri miegħu kawża tal-mewġ insistenti.

Diversi vapuri, b’uħud mimlija nies, spiċċaw inqabdu f’nofs ta’ baħar hekk kif l-uniku port sigur biex jidħlu fih kien dak tal-Imġarr, Għawdex iżda ma kienx hemm post fejn il-bastimenti jidħlu kollha. Fil-fatt, għall-ħabta tal-10:30 ta filghodu, vapur minnhom bil-passiġġieri abbord għamel madwar siegħa bejn sema u ilma.

Sorsi li tkellmu ma’ Net News spjegaw li kemm fil-port t’Għawdex u anke dak f’Malta, għal tul ta’ ħin kien hemm serbut twil ta’ vetturi jistennew għall-vapur biex jaqsmu bejn il-gżejjer…  bl-awtoritajiet ma jagħmlu l-ebda avviż jew aġġornament dwar is-servizz tal-Gozo Ferry.

Kien biss meta kien hemm ħerba sħiħa li  l-Gozo Channel Operations Limited ħarġu avviż li s-servizz tal-vapuri ġie sospiż sakemm il-baħar jikkalma.