Internazzjonali

It-Tawjan: Disfatta politika għall-President Tsai li se tkompli tmexxi lil pajjiżha

Il-President tat-Tajwan Tsai Ing-wen irriżenjat minn Kap tal-Partit Demokratiku Progressiv wara li l-grupp politiku tagħha mar ħażin fl-elezzjonijiet lokali. Madankollu, hi se tkompli fir-rwol ta’ President ta’ dan il-pajjiż awtonomu  wara li l-entità Kuomintang (KMT) fl-Oppożizzjoni rebaħ il-vot f’diversi distretti importanti, kif ukoll fil-kapitali Tajpej.

L-elezzjonijiet kienu segwiti minn madwar id-dinja peress li t-Tajwan qed iqajjem issue ġeopolitiku dejjam aktar taħraq bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina – bl-aħħar pajjiż tinsisti li t-territorju Tajwaniż għandu jaqa’ direttament taħt is-sovranità tagħha. Is-sitwazzjoni saret tassew serja wara li t-Tmexxija taċ-Ċina baqgħet tirriserva d-dritt li tieħu lura lit-Tajwan bil-forza f’każ li tqis il-pass bħala neċessarju.

Il-President Tsai, qabel, kienet qalet li l-elezzjonijiet lokali kellhom jitqiesu bħala vot favur id-demokrazija fost it-tensjoni akuta bejn pajjiżha u ċ-Ċina. Fl-aħħar sigħat, Tsai sostniet li qed terfa’ r-responsabbiltà għad-disfatta elettorali u li kienet qed tirriżenja minn Kap tal-partit fil-Gvern b’seħħ immedjat.

L-elezzjonijiet għall-kunsilli lokali u s-Sindki tal-ibliet huma bażati fuq l-impenji domestiċi, fosthom politika lejn it-trażżin tal-kriminalità flimkien ma’ politika għat-tkattir tal-housing u l-benefiċċji tas-sigurtà soċjali.

Madankollu, il-kandidati eletti fl-elezzjonijiet lokali mhumiex se jkollhom sehem dirett fil-politika tat-Tajwan rigward iċ-Ċina. Dan wara li l-President Tsai u l-uffiċjali tal-Gvern kienu ħeġġew lill-poplu biex – permezz ta’ dawn l-elezzjonijiet – jibgħat messaġġ qawwi dwar l-importanza tad-demokrazija, fi żmien meta ċ-Ċina qed iżżid il-pressjoni fuq din il-gżira-Stat indipendenti.