Lokali

L-Arċisqof jappella lill-Gvern biex ma jdaħħalx liġi li se tippermetti l-abort

Għandek toqtol lil xi ħadd għax theddida għas-saħħa, mhux għall-ħajja tiegħek, għas-saħħa tiegħek?”

Kien dan kliem l-Arċisqof ta’ Malta, Charles J. Scicluna dwar l-emenda li ressaq il-Gvern fl-aħħar jiem dwar it-terminazzjoni tat-tqala li ħafna qed iqisuha bħala liġi li qed tiftaħ il-bieb għall-abort.

Hu fakkar li azzjoni li tieħu persuna tkun qed tħalli effett mhux fuqha biss iżda anke fuq dawk ta’ madwarha.

“Nagħmel appell lill-Membri Parlamentari li f’dawn il-jiem għandhom quddiemhom liġi li jekk ma jbiddluhix tista’ ddaħħal l-abbort f’pajjiżna,” qal l-Arċisqof, Charles J. Scicluna.

il-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista insista illi qed jikkunsidra dan l-abbozz ta’ liġi li ressaq il-Gvern bħala l-introduzzjoni tal-abort f’pajjiżna. Għalhekk il-Partit Nazzjonalista qatt ma jista’ jkun favur dan l-abbozz ta’ liġi kif propost mill-Gvern.

Il-PN qal li b’dan l-abbozz ta’ liġi l-Prim Ministru Robert Abela qed jikser il-kelma li ta lill-poplu Malti u Għawdxi meta f’Jannar 2020 stqarr li ser jiġġieled kontra min jipprova jintroduċi l-abort f’pajjiżna… bl-Arċisqof isaqsi kif wieħed jista’ jieħu l-ħajja ta’ persuna fil-ġuf.

“Aħna nixtiequ lil kull tarbija, ġiet kif ġiet, il-ħajja,” qal l-Arċisqof. “Għax il-ħajja sabiħa wisq, prezzjuża wisq. Min jien jien biex inċaħħad lill-kreatura li bdiet teżisti miċ-ċans li tgħix. Min jien jien?”

Diversi esperti u akkademiċi ħarġu wkoll kontra din l-emenda fil-liġi hekk kif qiesu din bħala liġi li se “tbexxaq il-bieb għall-abort”… bil-Gvern qed jirrifjuta li jiddiskuti din l-emenda fil-Parlament.

“X’jiswa li aħna nżejnu d-djar tagħna u ngħidu li se nagħmlu l-parties għall-Milied – x’se niċċelebraw?” staqsa l-Arċisqof. “Niċċelebraw li se ndaħlu liġi li se tkun qed toqtol it-trabi fil-ġuf?”