Internazzjonali

L-Italja: L-awtoritajiet f’Ischia jagħmlu l-kalkoli fost il-valangi qattiela

Mietu numru mhux determinat ta’ nies wara li l-gżira ta’ Ischia – viċin ta’ Napli – intlaqtet mill-valangi kbar tat-tajn ikkaġunati mix-xita qliel fiz-zona.Il-valangi tat-tajn u d-debris kaxkru diversi djar li kien fihom in-nies, minbarra li qaċċtu s-siġgar mill-għeruq u anki għattew numru ta’ bini. Il-ħsarat lill-karozzi huma inkalkulabbli, b’diversi vetturi jispiċċaw imfarrkin fl-artijiet viċin il-kosta inkella nofshom mgħarrqin fil-baħar.

Laħqu nstabu xi persuni mejtin taħt it-tajn,.b’numru ta’ residenti jibqgħu rappurtati neqsin. Fl-istess ħin, il-maltemp kontinwu qed ifixkel l-isforzi tas-salvataġġ fl-agħar zoni milqutin, b’numru ta’ distretti jispiċċaw inaċċessibbli minħabba l-munzelli kbar tat-tajn.

Il-Ministru Taljan għall-Intern, Matteo Piantedosi, qal li s-sitwazzjoni f’Ischia hi ferm ikkumplikata u jemmen li diversi persuni neqsin spiċċaw mirdumin taħt it-tajn. Dan wara li f’Ischia niżlu 155 millimetru xita fi spazju ta’ sitt sigħat.

Ir-reġjun ta’ Campania madwar Napli u Ischia ilu l-jiem assedjat mill-maltemp li mistenni jonqos biss sa għada t-Tnejn. Il-maltemp kien anki fatali għal xi nies fl-aħħar jiem, fost rapporti li turist Arġentin miet mgħarraq wara li spiċċa fil-baħar waqt l-elementi ħorox. Dan ukoll meta numru ta’ nies intlaqtu mis-sajjetti waqt li kienu f’xatt il-baħar.

L-awtoritajiet f’Ischia qed iwissu lir-residenti biex jibqgħu d-dar ħalli ma jfixklux il-ħidma tal-iskwadri għall-emerġenza li kienu qed jaslu fl-inħawi.