Lokali

RITRATTI: Ħal Kirkop f’luttu; bukkett fjuri barra l-Kamra tan-Nar

Il-lokalità ta’ Ħal Kirkop għadha maħsuda wara l-aħbar tal-mewt ta’ Nardu Camilleri li sfortunatmanet tilef ħajtu kmieni s-Sibt filgħodu wara splużjoni fil-Kamra tan-Nar San Ġużepp.

Net News il-Ħadd filgħodu żar il-post fejn seħħet l-ispluzjoni. Fil-post kien għad hemm ambulanza u membri tal-protezzjoni ċivili, fejn jidher li għadu għaddej xogħol ta’ tindif minn materjal splussiv.

It-temp, u r-riħ qawwi, bla dubju li mhuma jagħmluha faċli xejn biex tkompli din il-ħidma.

Ritratt: Martin Agius

Qraba u ħbieb ta’ Nardu, poġġew bukkett ta’ fjuri fid-daħala lejn il-Kamra tan-Nar. Bil-post, bħalissa, għadu suġġett ta’ investigazzjoni biex ikun stabbilit x’wassal għal din it-traġedja.

It-tliet splużjonijiet ħallew ħerba fil-Kumpless kollu – ħlief statwa ta’ San Ġużepp, li baqgħet intatta.

Filfatt, filmat li kiseb Net News wera li s-saħħa tal-isplużjoni, li littermalment tajret il-knatan tal-kmamar li spiċċaw borġ ġebel.

Intant, ħareġ mill-Isptar wieħed mit-tliet irġiel li kienu involuti f’din l-ispliżjoni. Leonard Bartolo jinsab lura d-dar, u qed jirkupra mix-xokk kbir li ġarrab kawża ta’ din it-traġedja li fiha miet Nardu Camilleri.

Wara li ħareġ mill-isptar, Bartolo ħalla messaġġ fuq il-media soċjali fejn kiteb li jinsab iddispjaċut ħafna bit-telfa tal-ħabib kbir tiegħu Leonard Camilleri. Fl-istess waqt irringrazzja lis-servizzi ta’ emerġenza li intervjenew mal-ewwel wara l-isplużjonijiet, u lill-istaff ta’ Mater Dei.

S’issa għadu mhux magħruf meta se jsir il-funeral ta’ Nardu Camilleri hekk kif l-inkjesta dwar dan l-inċident għadha għaddejja.