Futbol Sport Tazza Tad-Dinja 2022

Riżultat li jikkuntenta l-aktar lil Spanja

(Ritratt: EPA)

Gowl lejn it-tmiem ma kienx biżżejjed biex irebbaħ lit-tim nazzjonali Ġermaniż. Id-draw ta’ 1-1 jikkuntenta l-aktar lit-tim Spanjol li ħalliehom fil-quċċata filwaqt li l-Ġermanja tinsab fil-qiegħ qabel l-aħħar konfront.

Spanja bl-ewwel periklu wara seba’ minuti b’xutt perikoluż ta’ Dani Olmo li ġiegħel lil Manuel Neuer biex itawwal idu u bl-għajnuna tal-mimduda tefa’ f’korner. Fit-22 minuta, xutt ta’ Jordi Alba għadda ftit barra.

Il-Ġermanja kienet għoddha marret fil-vantaġġ fl-40 minuta bi free-kick mil-lemin fil-kaxxa, sab lil Antonio Rudiger li għeleb lil Unai Simon b’daqqa ta’ ras iżda l-gowl tħassar għal offside tad-difensur. L-istess Rudiger impenja lil Simon qabel tmiem l-ewwel taqsima b’xutt b’saħħtu iżda minn angolu ristrett.

L-urġenza tal-Ġermanja bdiet tiżdied fit-tieni taqsima u fis-57 minuta reġgħu marru viċin b’xutt ta’ Joshua Kimmich li ġie salvat tajjeb minn Simon wara li Spanja tilfet il-pussess fid-difiża.

Iżda fit-62 minuta Spanja fetħet l-iskor. Kien kross mix-xellug ta’ Jordi Alba lejn is-sostitut ALVARO MORATA li żmarka ruħu tajjeb, antiċipa lill-avversarju u xellef b’intelliġenza wara Manuel Neuer. Reazzjoni mit-tim ta’ Hansi Flick fl-74 minuta biż-żagħżaugħ Jamal Musiala għeleb in-nasba tal-offside u rċieva ballun vertikali iżda dam biex jaħsibha u x-xutt finali kien ċentrali u blokkat minn Simon.

L-isforzi Ġermaniżi komplew jiżdiedu u ġew premjati fit-83 minuta b’gowl ta’ NICLAS FULLKRUG. L-attakkant sostitut ukoll bħal Morata, b’opportuniżmu skorja b’xutt djagonali fir-rokna ta’ fuq wara li antiċipa l-kontroll ta’ sieħbu Musiala. Fl-aħħar sekondi, Leroy Sane seta’ rebbaħ lit-tim Ġermaniż iżda wara li għeleb in-nasba tal-offside u avvanza għażel li jipprova jdur ma’ Simon minflok ikkonkluda.