Futbol Sport Tazza Tad-Dinja 2022

Sorpriża oħra f’din it-Tazza tad-Dinja… il-Marokk tikseb it-tliet punti b’żewġ gowls fit-tieni taqsima

(Ritratt: EPA)

Il-Marokk ħasdet lit-tim nazzjonali Belġjan iżda fl-istess ħin kisbet rebħa meritata li kabbret it-tamiet li jgħaddu mal-aħħar 16. Il-Marokkini tejbu l-prestazzjoni aktar ma għadda l-ħin filwaqt li l-Belġjani dehru mingħajr ideat fl-attakk.

L-ewwel azzjoni tal-logħba waslet wara ħames minuti fuq in-naħa tal-Belġju. Thorgan Hazard għadda vertikalment lejn Michy Batshuayi bit-tentattiv tal-attakkant ikun blokkat f’korner mill-ħarġa ta’ Monir El Kajoui.

Il-Marokk wieġbet fil-21 minuta b’xutt ta’ Hakim Ziyech li għadda fuq il-mimduda u fil-35 minuta b’tentattiv ta’ Achraf Hakimi li wkoll spiċċa barra. Erba’ minuti wara, free-kick ta’ Kevin de Bruyne spiċċa fuq il-mimduda.

Wieħed mill-mumenti importanti tal-logħba seħħ fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima. Free-kick ta’ Ziyech mil-lemin, ħabat mal-gowlkiper Thibaut Courtois u baqa’ dieħel fix-xibka. Ferħ mill-plejers Marokkini li iżda ġie mwaqqaf permezz tal-VAR minħabba li Romain Saiss kien f’pożizzjoni ta’ offside u tellef lill-gowlkiper avversarju.

Fit-tieni taqsima, il-Marokkini komplew fejn ħallew u fil-50 minuta Ziyech impenja lil Courtois b’xutt minn 20 metru li ġie salvat. Fuq in-naħa l-oħra, El Kajoui salva xutt ta’ Eden Hazard minn angolu ristrett.

Ċans tajjeb għal Soufiane Boufal fis-56 minuta b’azzjoni fuq ix-xellug li fiha għamel l-ispazju iżda x-xutt insidjuż tiegħu għadda ftit barra. Il-Belġju b’okkażjoni f’nofs it-tieni taqsima permezz tas-sostitut Dries Mertens iżda El Kajoui kien attent u blokka tajjeb.

Il-gowl importanti fuq in-naħa Marokkina wasal fit-73 minuta. Simili għall-gowl li tħassar qabel tmiem l-ewwel taqsima. Din id-darba kien is-sostitut ABDELHAMID SABIRI li bi free-kick fuq l-ewwel lasta ħasad lil Courtois li naqas li jimblokka x-xutt.

Il-kowċ Roberto Martinez wettaq diversi bidliet fit-tieni taqsima, tlieta minnhom wara l-gowl Marokkin. Fosthom daħal jilgħab l-attakkant Romelu Lukaku li ma kienx 100% wara li kien għadu qed jirkupra minn uġigħ.

Minkejja n-numru ta’ plejers Belġjani fl-attakk, kienu l-Marokkini l-aktar li resqu qrib il-gowl, b’kontrattakk fid-90 minuta li minnu Hamdallah kellu xutt imdawwar f’korner minn Courtois. Huma serrħu rashom mit-tliet punti fit-93 minuta bi kross ta’ Ziyech lejn ZAKARIA ABOUKHLAL li b’xutt mill-ewwel fis-saqaf tax-xibka ma tax ċans lil Courtois.