Lokali

Ta’ Kastilja se jaġevolaw lil Steve Ellul u jagħtuh it-tmexxija ta’ aġenzija ġdida b’baġit ta’ €100 miljun fis-sena

Wara l-aħbar żvelata minn Il-Mument nhar il-Ħadd li għadda dwar il-kunflitt ġdid bejn ta’ Robert Abela u ta’ Joseph Muscat dwar il-kandidati rispettivi tagħhom għall-elezzjoni tal-Membri Parlamentari Ewropej 2024, illum nistgħu niżvelaw kif ta’ Kastilja qed jippreparaw biex lill-kandidat Steve Ellul ipoġġuh fit-tmexxija ta’ aġenzija ġdida li tkun taqa’ taħt il-Ministru Miriam Dalli li hi responsabbli mill-Ambjent u l-Enerġija.

Sorsi infurmati f’Kastilja fil-jiem li għaddew tkellmu ma’ Il-Mument u kkonfermaw l-informazzjoni żvelata nhar il-Ħadd li għadda u żiedu jgħidulna li bħalissa għaddejjin l-aħħar irtokki f’dik li se tkun aġenzija ġdida tal-Gvern li jkollha r-responsabbiltà li timplimenta għadd ta’ proġetti ambjentali f’zoni urbani.

Diskors f’dan is-sens diġà ngħad fil-jiem li għaddew fil-Parlament meta waqt id-diskors tal-estimi li jaqgħu taħtha, il-Ministru Miriam Dalli ħabbret li se titwaqqaf dik li se tkun magħrufa bħala Project Green li se tkun aġenzija ġdida tal-Gvern li se jkollha allokazzjoni ta’ €700 miljun fuq medda ta’ seba’ snin.

Is-sorsi infurmati f’Kastilja li tkellmu ma’ Il-Mument żvelaw magħna li din l-aġenzija ġdida se jkollha t-tmexxija ta’ Steve Ellul li allura fil-kors ta’ tħejjijiet għall-elezzjoni tal-Membri Parlamentari Ewropej se jkollu l-opportunità minn issa li jiddawwar bir-riżorsi meħtieġa li jkunu jistgħu jgħinuh jilħaq il-mira tiegħu li jkun fost il-kandidati Laburisti eletti f’dik l-elezzjoni.

Bla dubju ta’ xejn, komplew jgħidulna s-sorsi infurmati tagħna, li tali manuvra se tkun qed tagħti vantaġġ qawwi lil Steve Ellul fuq il-kandidati l-oħra Laburisti li qed ikompli jkun imħeġġeġ biex ma jitlifx opportunità waħda fejn ikun jista’ jidher, isemma’ leħnu.

Min-naħa ta’ Kastilja l-ordni diġà ilha li daħlet fis-seħħ fis-sens li meta l-Partit Laburista jintalab biex jibgħat mistiedna fi programmi ta’ diskussjoni, allura jagħżel li jibgħat lil Steve Ellul biex jilħaq isir wiċċ familjari mal-elettorat.

Fil-fatt fl-aħħar ġimgħat Steve Ellul kien ripetutament mistieden kemm fuq il-Public Broadcasting Services u anki fuq il-midja tal-Partit Laburista. Dan apparti mill-kontribuzzjonijiet f’termini ta’ kitbiet li hu jgħaddi kemm fuq il-midja stampata u anki fuq mezzi varji tal-midja soċjali.

Jekk hemm kandidat Laburista li hu urtat bis-sħiħ b’dan ix-xenarju inġust kollu fil-konfront tat-tim ta’ kandidati Laburisti – tim li għadu jrid ikun kompletat – hemm il-kandidat Clint Flores li qed iħoss li qed

jissokta jkun żvantaġġjat għas-sempliċi raġuni li ta’ Kastilja jassoċjawh mal-Eks Prim Ministru Joseph Muscat u dawk li baqgħu leali lejh.

Issa li llum Il-Mument se tkun qed tiżvela din l-aħbar tal-ħatra ta’ Steve Ellul f’aġenzija ġdida bi dħul ta’ għexieren ta’ eluf ta’ ewro fis-sena – apparti mill-baġit qawwi ta’ €700 miljun fuq medda ta’ seba’ snin, żgur li Clint Flores u dawk ta’ madwaru se jħossuhom aktar żvantaġġjati mid-deċiżjonijiet li qed jittieħdu f’Kastilja u imponuti fuq it-Tmexxija taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun.

Għaliex jekk Steve Ellul se jkollu l-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tiegħu biex ikun jista’ jagħmel kampanja elettorali effettiva u jasal fid-djar tal-elettorat, Clint Flores żgur li se jkun qed jirraġuna li hu mhux se jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu l-għodda u l-faċilitajiet bħall-kollega tiegħu.

Is-sorsi infurmati li tkellmu ma’ Il-Mument ikkonfermaw li għalkemm fadal tmintax-il xahar għal din l-elezzjoni, diġà fil-Partit Laburista hemm qasmiet bejn il-kandidati Laburisti li se jkunu qed jikkontestaw din l-elezzjoni, bin-nies ta’ Robert Abela jippruvaw ma jaħarquhiex minn issa ma’ dawk ta’ Joseph Muscat – li wkoll għandhom il-karti tagħhom li se jkunu qed jilagħbu fil-mument opportun.

Għaliex hu sigriet magħruf li filwaqt li t-tim ta’ Robert Abela qed jaħdem biex ikollu kandidati Laburisti effettivi, daqstant ieħor it-tim ta’ Joseph Muscat għandu fil-komma l-kandidati li se jkun qed jimbotta ’l quddiem biex ikunu approvati mill-Konferenza tal-Partit Laburista.

Dejjem jekk f’din it-tellieqa – għaliex indirettament Steve Ellul hu wkoll kandidat mill-klan ta’ Miriam Dalli – ma jtellaqx ukoll il-Viċi Mexxej Chris Fearne billi jimbotta wkoll il-kandidat tiegħu biex ikun preżenti fit-tellieqa li għad trid issir.