Lokali

VJOLENZA DOMESTIKA: Abela jixħet il-ħtija fuq is-soċjetà

Il-Prim Ministru Robert Abela xeħet il-ħtija fuq is-soċjetà Maltija, iċ-ċittadin Malti u Għawdxi b’rabta mat-tkaxkir tas-saqajn tal-istituzzjonijiet u l-każi ta’ vjolenza domestika f’pajjiżna.

Waqt intervista li saritlu fuq il-midja Laburista, Abela insista li l-pajjiż m’għamilx biżżejjed..wara li t-Tlieta, omm ta’ żewġt itfal inqatlet b’żewġ tiri ta’ senter hija u sejra x-xogħol.

Mingħajr ma semma ebda soluzzjoni effettiva sabiex verament il-persuni li għaddejjin minn tali vjolenza jingħataw is-sostenn kollu meħtieġ sa mill-bidu…..b’ħarsa wkoll lejn il-kura psikjatrika għal kull persuna involuta fil-każ….bil-għan li titneħħa darba għal dejjem l-istigma b’rabta ma’ dan il-każ – Robert Abela kompla jinjora għal kollox studju kkummissjonat mill-Gvern stess u mwettaq mill-Fakulta tal-Benesseri Soċjali li għal sena sħiħa ilu jistenna biex jiġi ppubblikat. Bir-rakkomandazzjonijiet injorati għal kollox.

Mhux talli ma ta ebda każ tal-istudju, talli Robert Abela insista li għad irid jidentifika jekk is-sistema ta’ pajjiżna hux effettiva jew le.

Dan filwaqt li għal darb’oħra xeħet it-tort fuq is-soċjetà.

Rigward l-emenda fil-kodiċi kriminali, deskritta minn esperti mediċi bħala waħda li qed tbexxaq it-tieqa għall-introduzzjoni tal-abort f’pajjiżna Robert Abela saħaq li kollox beda mill-każ ta’ Andrea Prudente…bil-Prim Ministru jirrikonoxxi huwa stess sentenza mill-Qorti li l-persuna qatt ma kienet fil-periklu li titlef ħajjitha.

Madanakollu, huwa sostna li qajjem dibattitu dwar prassi li ssir fl-Isptar Mater Dei u jrid  isaħħaħ bil-liġi….liema prassi però ammetta li ma jafx x’inhi.

Mistoqsi dwar il-kwistjoni tal-ħatra tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, Robert Abela spjegaha b’mod ċar li hemm għażla waħda, li tgħaddi tiegħu biss.

Dan hekk kif spjega l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmu ġdid li la darba l-għażla ma tiġix approvata biż-żewġ terzi darbtejn…il-vot jgħaddi bil-maġġoranza sempliċi.

Dan ifisser li b’mod dittatorjali għall-aħħar, Robert Abela fi kliem sempliċi saħaq li la darba l-Oppożizzjoni ma taqbilx miegħu fl-għażla…huwa xorta waħda se jkun qiegħed jagħmel fattih.