Lokali

Wara ‘d-daqqa ta’ sikkina’ f’dahar Anġlu Farrugia… issa ‘daqqa ta’ sikkina’ f’dahar Emanuel Cuschieri

Għaxar snin minn meta l-Eks Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Anglu Farrugia kien ta intervista li fiha kien żvela kif l-Eks Prim Ministru Joseph Muscat kien tah ‘daqqiet ta’ sikkina’ f’dahru, l-istess storja qed tirrepeti ruħha bħalissa fil-konfront tal-Eks President tal-Partit Laburista Emanuel Cuschieri meta hemm min tah ‘daqqiet ta’ sikkina’ f’dahru u qaċċtu mill-programm ta’ analiżi politika li kien jagħmel kull ġimgħa fuq l-istazzjon One.

Emanuel Cuschieri fil-programmi li qed jagħmel bħalissa fuq radju privat, tkellem b’mod ripetittiv li lilu ħadd mhu se jagħlaqlu ħalqu u l-messaġġi tiegħu se jkompli jgħaddihom, irrispettivament minn x’tgħid it-Tmexxija – b’riferenza ċara għal dawk f’Kastilja – tal-Partit Laburista.

Fi programm minnhom fuq ir-radju, Emanuel Cuschieri wasal saħanitra biex jgħid li lilu qaċċtuh mill-programm politiku li kien qed jagħmel fuq il-One għas-sempliċi raġuni li hu kien spiss ifaħħar lill-Eks Mexxej tal-Partit Joseph Muscat.

Naturalment ta’ Kastilja ma kenux jieħdu gost bil-messaġġi u l-ftaħir ta’ Emanuel Cuschieri fil-konfront ta’ Joseph Muscat li bħalissa n-nies tiegħu – kemm fuq livell ta’ Partit u anki fuq livell ta’ Settur Pubbliku/Ċivil qed jinkinsu min-nies ta’ Robert Abela biex posthom jingħataw lil terzi leali lejn l-istess Robert Abela.

Dwar dan ix-xenarju fil-jiem li għaddew esprima l-ħsibijiet tiegħu Jesmond Zammit li fuq il-midja soċjali kiteb li: “Ili fuq sena ma nisma’ programmi politici. Il-ġurnata kollha fuq radju partikulari. Mużika biss.

“Però, beda jkun hemm il-programm ta’ Emanuel Cuschieri u smajt dawn l-aħħar tliet programmi. Kemm ilu għaddej ma nafx.

“Fl-ewwel parti tal-programm qed jispjega dak li għadda minnu u kif twaqqaf il-programm li kellu fuq l-istazzjon Laburista One.

“Tlabt ġo qalbi li dak li llum smajtu jgħid, li kienet waħda mir-raġunijiiet li ngħata biex twaqqaflu l-programm, ma nismagħha qatt… issopponejt li għalhekk u għalhekk kienet.

“Għal min ma semgħux semma’ li waħda mir-raġunijiiet kienet li kien ifaħħar xogħol il-maħbub tagħna Joseph Muscat u kien jiddefendih waqt il-programmi tiegħu.

“Mhux se ngħid x’ħassejt, imma biex wasalna s’hawn, allura ikkankrati minn ġewwa tassew.

“Tajjeb li jiftakru dawn in-nies li ħafna bħali ma’ qalbhom persuna waħda biss għandhom… lil Joseph Muscat u l-ġid kbir li għamel u jekk lesti nidħlu fin-nar għalih, biss nidħlu u għal ħadd iktar.

“Nispera li fadal ftit integrità fil-Partit u hemm min ma’ dan kollu ma jaqbilx. Nispera.

“Jiddispjacini li minkejja kollox, Emanuel Cuschieri xorta jibqa’ jħambaq fil-programmi tiegħu għax żgur wara stallet ġo dahru bħal dan, kien jixraqlu mistrieħ u jieqaf u jħalli lil min imminah jitbaqbaq, imma Emanuel Cuschieri għex għall-Partit u tkun diffiċli li jagħmel dan. Għalih trid tkun vera ta’ fibra.

“Ma nafx u ma stennejthiex din. Vera forsi m’għandix say daqs membru jew tesserat, għax m’iniex u mhux biħsiebni nkun, però ma ħsibtx li xi darba nisma’ dan.”

Ir-reazzjonijiet għal dawn l-iżviluppi u xenarji ta’ diżgwit kbir fil-Partit Laburista kienu immedjati u numerużi, fosthom:

Carmel Micallef Mousu li qalet li: Din ilha għaddejja u kull min hu ta’ Joseph Muscat qed jitneħħa minn ċerti karigi. U mhux wieħed jew tnejn. Ilkoll tiftakru li għamlu żmien bilkemm kienu jriduna nsemmu lill-Perit Mintoff. Imma l-aqwa li l-One News kuljum isemmu l-firda fil-PN flok ma jaraw il-firda fil-PL u li ta’ Robert huma kontra ta’ Joseph.

Amato Simon: fi tweġiba, stqarr: Araw lill-opportunisti jirrenjaw!

Carmen Micallef Mousu: Lil dawk iva, kullimkien deffsuhom.

Angie Grixti: Naħseb li daqs kemm kien hemm opportunisti fi żmien Joseph Muscat, qatt ma kien hemm.

Raymond Martin Camilleri: Jien ili li xammejtha, u anke osservajtha. Kif ukoll li xi ħadd li lanqas biss ikkontesta elezzjoni, ġie co-opted minflok oħrajn li stinkaw u ħadmu. Anke tatni f’għajni, li wieħed tela’ mkaxkar minn distrett u minn ieħor baqa’ l-art, u nħatar ministru. Li bena Joseph Muscat qisu hemm min irid inessih. Din mhi togħġobni xejn.

Marytherese Camilleri: Ilna li xammejniha li għalhekk tkeċċa. Iridu jnessu lil Joseph Muscat imma huma se jmorru minn taħt. Messhom jistħu. ’Il quddiem se jsemmi l-ismijiet… ibżagħx.

Marytherese Camilleri: Fejnha l-kontinwità? Għax in-nies ta’ Joseph Muscat kollha qed jitwarrbu… wieħed wieħed.

Marthese Debono: Mhux qed jitwarrbu imma twarrbu diġà bħal dak li qallu mhux nitimgħu lill-familji tagħna wkoll irridu bħall-ħaddieħor. Jien waħda minnhom b’hekk qed nitkellem.

Amato Simon: Il-Partit sar Partit tal-iżviluppaturi l-ewwel. Paul Caruana: Jekk hemm bżonn inkomplu nimbuttaw lil Michelle Muscat għall-elezzjoni tal-Ewropa u nkunu nafu fejn hu l-polz tal-Partit Laburisa.

Jesmond Zammit: Jekk f’dan il-każ toħroġ Michelle Muscat, lilha biss nivvota… il-bqija l-vot naqsmu.

Gianni Zammit: X’jintervjeni l-Prim? Disgħa u disgħin fil-mija, biex ma ngħidx mija fil-mija, kien hemm hu wara din id-deċiżjoni!

Mark Frendo: Tipprovax tifhem… Jien smajt xi ħaġa li l-biki qabbditni. Emminni.