Futbol Sport

Żebbuġ ikomplu fejn ħallew kontra l-leaders Ħamrun

(Ritratt: Joseph Galea)

Żebbuġ Rangers komplew fejn ħallew ħmistax ilu meta ġiet abbandunata l-partita kontra Ħamrun Spartans minħabba l-maltemp u għelbu lil-leaders tal-kampjonat 4-2. Fit-12 ta’ Novembru l-iskor kien 2-1 favur iż-Żebbuġin sa tmiem l-ewwel taqsima biex illum kella tintlgħab 45 minuta oħra.

Kif kien mistenni llum Ħamrun ħarġu jattakkaw mill-bidu iżda kienu Żebbuġ bl-ewwel ċans tal-partita permezz ta’ Lokoli Ngoy wara biss minuta li x-xutt tiegħu kien imdawwar f’korner. L-ispertans irrispondew b’xutt ta’ Jonny li mar għoli u daqqa ta’ ras ta’ Matthew Guillaumier fit-72 minuta li ukoll għaddiet għoli. Fl-84 minuta daqqa ta’ ras ta’ Marcelina kienet salvata mill-goalkeeper ta’ Żebbuġ Jamie Azzopardi.

Bil-Ħamruniżi fuq l-attakk kienu iżda ż-Żebbuġin li skorjaw fid-89 minuta permezz tas-solitu Charles Lokoli Ngoy li rnexxielu jaqbeż lil Steve Borg u b’xutt fil-baxx għeleb lil Bonello. Ħamrun irnexxielhom jidħlu lura fil-partita fl-ewwel minuta tal-ħin miżjud b’gowl ta’ Elvis Mashike minn kross ta’ Dodo iżda l-istess Lokoli Ngoy issiġilla r-rebħa għal Żebbuġ fil-ħames minuta tal-ħin miżjud biex ta tliet punti lil Żebbuġ u l-ewwel telfa tal-istaġun lil-leaders Ħamrun Spartans.