L-għoli tal-ħajja ġej minn diversi sorsi, fosthom kawża tar-rati ta’ trasport ta’ containers aktar għoli marbut mal-piżijiet ġodda tad-direttivi Ewropej li daħlu fis-seħħ fi Frar ta’ din is-sena. Quddiem din is-sitwazzjoni, Malta trid tagħmel iktar pressjoni biex il-liġijiet Ewropej jagħtu każ tal-fatt li Malta gżira mbegħda mill-kontinent Ewropew. Dan bir-riżultat li t-trasport tal-prodotti lejn Malta qiegħed jiġi ferm aktar għoli minn qabel.
Fil-fatt skont studju li għamlet l-International Road Union ħareġ li container lejn Malta qed jiġi jiswa 360 euro aktar għoli minħabba r-regoli l-ġodda tal-Unjoni Ewropew li jobbligaw it-trakkijiet jiġu lura Malta kull 9 ġimgħat u jipprojbixxu t-Trakkijiet milli jieqfu f’ċerti pajjiżi Ewropej.
Dwar din il-kwistjoni Peter Agius kellu laqgħa mar-rappreżentanti tal-International Road Union li tiġbor fiha assoċjazzjonijiet minn 73 pajjiż differenti u li tiddefendi l-interessi tat-trasport bla xkiel madwar id-dinja. F’din il-laqgħa kienet diskussa t-tema tal-insularita’ ta’ pajjiżna li qegħda tippenalizza ferm lill-konsumatur u n-negozju Malti issa b’mod aktar qawwi minħabba l-liġijiet tat-trasport bit-trakkijiet li daħlu fis-seħħ fi Frar ta’ din is-sena
Peter Agius qal li dawn il-liġijiet ġodda Ewropej issa jobbligaw lil kumpanniji Maltin li jitilgħu bix-xogħol fl-Italja u pajjiżi oħra Ewropew li jibgħatu lura bilfors it-trakk u x-xufier lejn Malta wara ftit ġimgħat biex ikunu konformi mad-Direttivi Ewropej tal-‘Posting of Workers’. Minbarra dan, il-liġijiet il-ġodda issa jillimitaw in-numru ta’ waqfiet li jista’ jagħmel trakk Malti fit-territorju Ewropew.
Agius spjega ma’ Net News li għalkemm l-objettiv tad-Direttiva Ewropea li tipproteġi l-ħaddiem huwa tajjeb, il-mod kif qed jiġi applikat qed jippenalizza b’mod sproporzjonat lill-kumpaniji Maltin li issa qed ikunu fi żvantaġġ kbir meta mqabbla ma’ kumpaniji barrani bir-riżultat li qed ikollhom bilfors jgħollu l-prezzijiet biex ikopru l-ispejjeż.
Mal-IRU Peter Agius tkellem f’dettal dwar ir-rimedji possibbli għal dan, li jinkludu emendi fil-liġijiet li mistennija tressaq il-Kummissjoni Ewropea s-sena d-dieħla.
Peter Agius qal li bħala pajjiż irridu nagħmlu minn kollox biex ngħollu l-fuq l-agenda tal-familji Maltin fl-Ewropa anke fil-qasam tat-trasport għax minn dan jiddependu diversi affarijiet oħra.
//= $special ?>