Lokali

Wara tliet xhur il-Pulizija titlob għall-informazzjoni b’rabta mal-mewt tal-bugħaddas Christian Degabriele

Probabbiltà li l-bugħaddas intlaqat minn xi opra tal-baħar

Wara li għaddew iktar minn tliet xhur minn meta Christian Degabriele tilef ħajtu meta kien qed jgħodos, il-Pulizija ħarġet appell wara li mill-investigazzjonijiet irriżulta li l-bugħaddas jista’ jkun li ntlaqat minn xi opra tal-baħar.

Il-vittma Christian Degabriele kellu 35 sena u kien miż-Żejtun iżda kien joqgħod Ħal Għaxaq. Huwa kien suldat fl-AFM u kien stazzjonat fis-sezzjoni Marittima tal-Armata.

Il-Pulizija qed tappella biex kull min għandu xi informazzjoni dwar dan il-każ, jista’ jgħaddiha lill-Pulizija, anke b’mod
kunfidenzjali fuq in-numri tal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija 21 224001 / 119 jew fl-eqreb Għassa tal-Pulizija.

Dakinhar tal-inċident sorsi ta’ Net News kienu indikaw li flimkien ma’ Degabriele kien hemm fizjal li kien qed jogħdos miegħu. Huma t-tnejn kienu qed jogħdsu bin-nifs u kien sieħbu li talab għall-għajnuna tal-AFM.

Lura f’Awwissu li għadda Net News kien irraporta li mhux qed ikun eskluż li l-għaddas intlaqat minn xi dgħajsa, hekk kif jidher li l-ħabel tal-baga tieghu instab maqtugħ.

Il-katavru tal-vittma nstab fit-12 ta’ Awwissu għall-ħabta tad-8.45 ta’ filgħodu, l-għada li kien irrapurtat nieqes, fejn huwa ttella’ l-art fil-Bażi Marittima f’Xatt it-Tiben fil-Floriana.

Dwar il-każ kienet infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Monica Vella li ħatret bosta esperti sabiex jgħinuha.