Lokali

Alfred Sant jgħid li hemm numru ta’ difetti li wasslu għal fjaski legali li seħħew fil-Qrati

F’post fuq il-media soċjali, l-eks Prim Ministru Laburista Alfred Sant tefa’ dawl fuq numru ta’ difetti fil-ħidma tal-Qrati Maltin, liema difetti qed iwasslu għall-fjaski legali li seħħew fil-Qrati.

Huwa kiteb bħalissa fil-Qrati qed jintilfu ammont kbir ta’ kawżi politikament delikati minħabba żbalji fil-mod kif il-prosekuzzjoni tippreżenta l-każi tagħha.

Mingħajr ma jsemmi direttament lill-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg, Sant qal li qed iqum is-suspett li dan qed isir apposta biex ċerti nies jevitaw li jkollhom jirrispondu għal għemilhom. Jisħaq li bl-ebda mod ma jrid jemmen li xi ħaġa bħal din qatt ġiet komtemplata jew wisq inqas saret.

Sant jikteb li jkun tajjeb li l-każi li tqanqlu b’dal-mod jiġu investigati b’attenzjoni kbira u b’mod mill-iktar trasparenti. Dan sabiex jinstabu d-difetti li wasslu għall-fjaski legali li seħħew fil-Qrati Maltin.

Huwa żied jgħid li għandha tintwera kull rieda biex fejn saru żbalji, ikunu identifikati r-raġunijiet għala saru dawn l-iżbalji kif ukoll in-nuqqasijiet li saru. Sant jgħid li jekk dan ma jsirx, bilfors tiżdied l-isfiduċja fl-operat tal-Gvern Malti.