Lokali Parlament

Appell lid-deputati Laburisti kontra l-abort biex jivvutaw skont il-kuxjenza

Karol Aquilina, PN

Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina appella lid-deputati Laburisti kontra l-abort biex jivvutaw skont il-kuxjenza u ma jkunux kompliċi f’liġi li ddaħħal l-abort.

Fil-parlament Karol Aquilina qal li dan hu abbozz ta’ liġi li se jdaħħal l-abort fil-pajjiż u sostna li dan hu mument li fih il-maġġoranza tal-Maltin kienu jaħsbu li mhux se jasal. It-traġedja hi li dan il-mument wasal mill-gvern li ħlief kliem fil-vojt dwar il-ħajja m’għandux.

It-tama li kellu l-poplu tkissret mill-Prim Ministru Robert Abela, minn Chris Fearne u mid-deputati Laburisti. Dan hu abbozz li qatt ma kellu jitressaq quddiem il-parlament.

Karol Aquilina tkellem dwar il-liġijiet Maltin li huma fis-seħħ kontra l-abort u qal li l-pożizzjoni legali hi li t-tobba li jkunu qed jaħdmu biex isalvaw il-ħajja tal-omm dejjem kienet riflessa fil-qrati, ħlief mid-deputati Laburisti.

Hu qal li qatt ma kien hemm professuri jew tobba li meta seħħew interventi biex il-ħajja tal-mara tkun salvata u titlef il-ħajja tal-mara, l-ebda tabib jew professur ma spiċċa l-qorti. Dan bħal ma eżistix fil-każ ta’ Prudente li dwarha l-gevrn qed iressaq emenda ta’ malajr.

“Min kitibha din l-emenda?” staqsa Karol Aquilina, li kompla li Chris Fearne għadu kif għamilha ċara li din l-emenda tinkludi wkoll is-saħħa mentali.

Dan ifisser li omm tqila li m’għandha l-ebda kumplikazzjoni li tista’ titlef ħajjitha u tista’ twelled, iżda li għandha xi diffikultà ta’ saħħa mentali, allura din hi ġustifikazzjoni li jsir abort. “Kif jista’ jkun din tkun aċċettata?” sostna Karol Aquilina, li kompla li l-Gvern imissu joffri s-sostenn lill-mara biex it-tarbija tkun salvata.

Dan hu r-raġunament perikoluż li qed joffi d-deputat Prim Ministru, sostna Karol Aquilina, li kompla li l-każ beda minħabba l-każ tal-Amerikana Prudente.

It-tobba qalulha li kellha problemi ta’ saħħa iżda ma kinitx fil-periklu tal-mewt. Hi nsistiet li riedet tagħmel abort għalkemm it-tobba qalulha li ma kinitx fil-periklu tal-mewt. Il-mara marret Spanja u għamlet abort. Hi u tiela’ fuq l-ajruplan ħadet ritratt u nsistiet li kellha dritt tagħmel abort. Hi għamlet kawża kontra l-gvern Malti.

Karol Aquilina qal li l-Avukat tal-Istat, li hu l-avukat tal-Gvern, iddikjara li l-Avukat tal-Istat isostni li Prudente qatt ma kienet fil-periklu tal-mewt. Għalhekk ma jeżistix iċ-ċans li xi tabib jiġi akkużat minħabba l-għemil tiegħu, sostna Karol Aquilina, li kompla li l-Oppożizzjoni hi unanima kontra l-abort u kontra l-ħajja; iżda mhux l-istess fil-Gvern.

Id-deputat Nazzjonalista qal li Robert Abela, meta laħaq Kap Laburista, kien iddikjara fit-3 ta’ Jannar 2020 li hu kontra l-abort f’kull ċirkostanza.

Dwar il-pożizzjoni tiegħu jekk isir referendum u jgħaddi, Robert Abela wiegħed li qed jistaqsih dwar ċirkostanza li mhu se tiġri qatt fil-pajjiż. Fil-15 ta’ Jannar, bħala Prim Ministru, Robert Abela qal li jekk (Joseph Muscat) se jkun qed jaħdem favur l-introduzzjoni tal-abort, se jsib lilu (Robert Abela) kontrih.

L-għada, l-Prim Ministru kien mar id-Dar tal-Kleru f’Birkirkara u qal li hu favur il-ħajja u li sakemm jibqa’ hu Prim Ministru se tibqa’ dik favur il-ħajja u kontra l-abort. F’konfoffa ma’ Joseph Muscat u Chris Fearne, Robert Abela llum mar quddiem il-parlament biex idaħħal l-abort.

Il-gvern m’għandu l-ebda mandat elettorali biex idaħħal din il-liġi. Ir-rigal tal-Milied tal-Gvern Laburista lill-poplu hu liġi li tintroduċi l-abort.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-gvern laqqa’ l-Grupp Parlamentari wara li ppropona l-liġi u sostna li hemm risposta kontra l-liġi mill-PN kif ukoll minn 81 akkademiċi li għandhom għal qalbhom il-valur tal-ħajja u li ħarġu position paper.

F’dan id-dokument l-akkademiċi qalu li din hi liġi vaga, li inkitbet biex tkun abbużata, bla ħsieb, bi ħsieb ħażin u li ddaħħal l-abort. Din hi liġi bbażata fuq il-qerq u l-ingann, sostna Karol Aquilina, li dawn l-akkademiċi għamlu proposta li toffri ċ-ċertezza legali u l-protezzjoni għat-tarbija fil-ġuf, l-omm u l-professjonisti fil-qasam tas-saħħa. Il-PN hu favur din l-emenda mressqa mill-akkademiċi.

Karol Aquilina qal li din hi liġi li tintroduċi l-abort bla kundizzjonijiet, bla dettall u għalhekk l-għażla hi jekk irridux li l-abort jidħol fil-pajjiż; il-PN hu kontra li l-abort jiddaħħal fil-pajjiż.

Hu appella lid-deputati Laburisti li hemm fosthom li ma jaqblux ma’ dan l-abbozz ta’ liġi u sostna li inutli li jmorru jitkellmu mad-deputati Nazzjonalisti jew ma’ persuni oħra li huma kontra din il-liġi.

“Tridu tgħidu lill-Prim Ministru u lid-Deputat Prim Ministru u tridu dduru fuqkom infuskom, fuq il-kuxjenza u tieħdu deċiżjoni; id-deċiżjoni trid tkun tagħkom personali mhux tal-grupp Parlamentari Laburista”, appella Karol Aquilina, li kompla jappella biex isiru aktar laqgħat li fihom id-deputati Laburisti jitkellmu.

Karol Aquilina qal li suppost il-PL mhux favur l-abort u appella lid-deputati Laburisti biex isibu l-kuraġġ u jitkellmu u jekk ma jaslux allura meta l-parlament imur għall-vot, jgħid x’jgħid il-whip Laburista, d-deputati jieħdu deċiżjoni skont dak li jemmnu huma.