Futbol Sport Tazza Tad-Dinja 2022

Doppjetta ta’ Fernandes tpoġġi lill-Portugall mal-aħħar sittax

(Ritratt: EPA)

Portugall v Urugwaj 2-0

Fil-Lusail Stadium f’partita oħra minn Grupp H, il-Portugall kisbu rebħa importanti ta’ 2-0 fuq l-Urugwaj biex saru t-tielet tim li kkwalifika għal fażi tal-aħħar sittax, flimkien ma’ Franza u mal-Brażil. Fl-ewwel taqsima iż-żewġ timijiet ftit li xejn ħolqu okkażżjonijiet ta’ skor u rari kienu perikolużi lejn il-lasti avversarji. Fit-tieni taqsima il-partita żadet xejra oħra biż-żewġ timijiet ikunu xi ftit aktar avventurużi.

Fit-32 minuta l-Urugwaj perikolużi għall-ewwel darba meta Vecino għadda lejn Bentancur b’dan tal-aħħar jgħaddi tajjeb iżda x-xutt tiegħu kien salvat tajjeb mill-goalkeeper Portugiż Diogo Costa. Fl-54 minuta jasal l-ewwel gowl tal-partita meta il-cross ta’ Bruno Fernandes qarraq bil-goalkeeper Urugwajan u spiċċa fix-xibka, wara t-tentattiv ta’ Cristiano Ronaldo li jitfa’ fix-xibka.

Fil-75 minuta reazzjoni mill-Urugwaj meta Pellistri żmarka lil Maxi Gomez li ra x-xutt tiegħu jaħbat mal-mimduda u jispiċċa barra. Żewġ minuti wara Luis Suarez perikoluż għal darb’oħra għall-Urugwaj iżda l-konklużjoni mill-viċin tiegħu għaddiet barra.

Biex fid-90 minuta il-Portugall ingħataw penalty hekk kif Jose Gimenez deher imiss il-ballun b’idu fil-kaxxa. Mill-ħdax -il metru il-midfielder ta’ Manchester United Bruno Fernandes ma żbaljax għal skor finali ta’ 2-0.