Futbol Sport Tazza Tad-Dinja 2022

Draw ta’ sitt gowls bejn il-Kamerun u s-Serbja

(Ritratt: EPA)

Kamerun 3-3 Serbja

F’waħda mill-isbaħ partiti li offriet s’issa t-Tazza tad-Dinja il-Kamerun u s-Serbja spiċċaw fi draw ta’ 3-3 wara li l-Kamerun irnexxielhom jiskorjaw darbtejn meta l-iskor kien 3-1 favur is-Serbi.

Wara 11-il minuta s-Serbi jmorru viċin permezz ta’ Mitrovic li ra x-xutt tiegħu jaħbat mal-wieqfa u jmur barra. Sitt minuti waral-istess attakkant ta’ Fulham falla ċans tad-deheb minn taħt il-lasta bil-konklużjoni tiegħu tmur barra.

Minkejja l-attakki tas-Serbi kienu l-Kamerun li fetħu l-iskor fid-29 minuta meta Jean-Charles Castelletto ikkonkluda fix-xibka wara li rċieva inn korner.

Meta kollox deher li l-Kamerun kienu dieħlin jistrieħu fil-vantaġġ Dusan Tadic tefa’ ballun fil-kaxxa minn free-kick fejn sab lil Strahinja Pavlovic li b’daqqa ta ras’ għeleb lil Epassy. Is-Serbi ma kienux kuntenti li jidħlu jistrieħu fi draw ta’ 1-1 u tliet minuti fuq il-ħin marru fil-vantaġġ Sergej Milinkovic-Savic tefa’ ġewwa wara pass ta’ Andrija Zivkovic biex l-ewwel taqsima ntemmet 2-1 favur is-Serbja.

It-tim immexxi monn Dejan Stojkovic żied il-vantaġġ fit-53 minuta permezz ta’ Aleksandar Mitrovic wara assist ieħor ta’ Andrija Zivkovic. Fil-55 minuta il-kowċ tal-Kamerun għamel bidla fejn daħħal lil Vincent Aboubakar b’din il-bidla tkun determinanti biex jinbidlel l-iskor. Fit-63 minuta Aboubakar ħarab lid-difiża avversarja u meta ġie wiċċ imb wiċċ mal-goalkeeper qabbiżlu b’mod eleganti biex daħħal lil Kamerun lura fil-partita. Tliet minuti wara reġa Aboubakar protagonist li b’pass preċiż għamilha faċli għall-plejer ta’ Bayern Munich Eric maxim Choupo-Moting li b’lasta vojta għamel l-iskor 3-3.