Lokali Qorti

Ħabs għal uffiċjal pubbliku li ħasel aktar minn miljun ewro għall-vizzju tal-logħob tal-azzard

Raġel tal-familja minn Birkirkara ġie kundannat tliet snin ħabs mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech wara li ammetta li kkommetta reati ta’ ħasil ta’ flus li seħħew f’Awwissu ta’ sentejn ilu u qabel. Mill-provi rriżulta li ħasel aktar minn miljun ewro u dan biex jissodisfa l-vizzju tal-logħob li huwa kellu. Huwa jrid iħallas ukoll multa’ ta’ aktar minn 800,000 ewro.

Oreste Zammit, uffiċjal pubbliku ta’ 63 sena minn Birkirkara, ammetta akkużi taż ħasil ta’ flus u misapproprijazzjoni wara li fil-pussess tiegħu nstabu kwantità kbira ta’ xorb alkoħoliku li fuqhom ma tħallasx dazju għad-dannu tad-Dipartiment tad-Dwana u għall-Gvern ta’ Malta.

Huwa ammetta li kellu fil-pussess tiegħu u laqa’ għandu, żamm kif ukoll kellu b’xi mod x’jaqsam fil-ġarr, twarrib, ħabi jew depożit ta’ nbid u xorb alkoħoliku bla dazju, u dan bil-ħsieb li jiġi ffrodat il-Gvern minn Dazju u Taxxa li kellha titħallas fuqhom.

Zammit talab huwa stess li jingħata l-opportunita li jgħin lil ħaddieħor biex ma jispiċċax fil-pożizzjoni li sab ruħu fiha. Il-Qorti qalet li dan l-appell tal-imputat għandu jittieħed bis-serjetà. Fi kliem Zammit, li qal li lest li jservi ta’ eżempju, tenna wkoll li jekk jirnexxielu jsalva mqar persuna oħra mill-istess madmad li hu spiċċa fih, ħajtu tkun serviet ta’ ġid.

Għalhekk il-Qorti qalet li qed tappella, li anke minn issa, l-imputat jingħata kull opportunita sabiex mingħajr telf ta’ żmien iservi ta’ ġid u ta’ eżempju għall-oħrajn. “Ir-rakkont u l-karba tiegħu taf tgħin tassew persuni maħkuma mill-vizzju tal-logħob bħalu.

Wake up call” għal ħaddieħor
“Fl-istess ħin kliemu jafu jservu ta’ ‘wake up call’ għal min qiegħed f’pożizzjoni li jrażżan l-attrazzjoni u t-tlellix li reklamar ta’ logħob legalizzat jiġi mpitter bih; reklamar li kapaċi jkun kaġun tal-qerda ta’ tant familji. Oreste Zammit hu il-personifikazzjoni w il-manifestazzjoni tanġibbli ta kif dan il-vizzju misħut wassal sabiex b’konsegwenza, persuna tassew spiċċat tilfet kollox.

“Fl-istess ħin però Oreste Zammit jippersonifika it-tama, il-prospett b’saħħtu tar-riabilitazzjoni b’ġejjieni skatenat mill-pjaga tal-logħob kemm għalih u kif ittamat, għal oħrajn” sostniet il-Qorti. Wara li rat ir-rikors konġunt preżentat nhar it-8 ta’ Novembru, 2022, mill-Avukat Ġenerali u l-imputat fejn filwaqt li iddikjaraw li qed jaqblu li l-piena effettiva għandha tkun ta’ tliet snin ħabs, hekk kif huwa ammetta għall-akkuża kollha miġjubin kontrih.

L-istess reġa’ seħħ nhar il-21 ta’ Novembru, 2022 fejn wara li l-Qorti irrikjamat il-kawża appożitament sabiex reġà ġie spjegat lill-imputat il-konsegwenzi tal-ammissjoni hekk kif dikjarat fl-imsemmi patteġġament (ftehim) kif ukoll sar stħarriġ jekk kellux mezzi biex iħallas il-multa fuqu imposta ai termini tal-istess patteġġament, l-imputat għal darb’
oħra u kif konfermat mid-difensur tiegħu iddikjara li fehem sew dak li kien qed jammetti għalih u reġa’ kkonferma l-ammissjoni tiegħu.

L-imputat għandu jħallas multa ta’ €830,193 li tekwivali għall-ammont tar-rikavat mir-reat. Dik il-multa tkun tista’ tiġi rkuprata bħala dejn ċivili u s-sentenza tal-Qorti tkun tikkostitwixxi titolu eżekuttiv għall-finijiet u l-effetti kollha tal-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili.

Din is-somma tirrapreżenta b’mod konservattiv ferm il-valur tar-rikavat ġenerat mir-reati li qed tinstab ħtija dwarhom. Fil-fatt, kif jixhed l-Awditur espert Antoine Borg u kif rifless fir-rapport tiegħu, jirrizulta li ma dawn il-flejjes hemm ammont addizzjonali €330,477, li hi d-differenza bejn l-ammont depożitat fil-banek u dak li nħareġ mill-banek.

Madanakollu dwar dan l-ammont Borg jesprimi tħassib li din id-diskrepanza setgħet tkun attribwibbli li kien hemm bilanċ pożittiv fil-bidu tas-snin koperti mill-ezercizzju minnu magħmul li però ma kienux dettaljati fl-informazzjoni disponibbli għall-espert. Għaldaqstant kunsidrat li kull dubbju jrid imur għaf-favur tal-imputat, dan l-ammont addizzjonali mhux qed jiġi komputat mas-somma tar-rikavat.

Bl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 533 tal-Kodiċi Kriminali, Kapitolu 9 tal-Ligijiet ta’ Malta, il-Qorti qegħda tordna lill-ħati jħallas l-ammont ta’ €3,102.89c rappreżentanti ta’ spejjez peritali. F’dan il-waqt il-Qorti qed tagħmel tagħha l-appell tal-imputat kif riklamar ta’ betting fuq il-media, senjatament fuq it-television u mhux limitat għal waqt xi logħba football, qed iwassal għal qerda ta’ bosta.

L-istess riklamar qed jagħmilha diffiċli li wieħed jegħleb il-vizzju meta minn fuq il-pultruna ta’ daru – il-post fejn il-bniedem jieħu rifuġju biex jaħrab minn kull hemm – jispiċċa jiġi mħajjar u mħeġġeġ jirritorna għal vizzju. Vizzju li bħal f’dan il-każ, raġel tal-familja ġabu kriminal.

Ir-reklamar biex wiħed jilgħab mhux jagħmel ġid

Oreste Zammit spjega li ftit jagħmel sens għal min hu maħkum mill-lublieba tal-logħob li tali riklamar iħeġġu għal “logħob responsabbli”; min hu marid jinħtieġlu jehda w iżomm il-bogħod minn dak li jkun mardu fl-ewwel lok u
mhux jiġi espost sabiex il-marda tinfirex dejjem “b’mod risponsabbli.”!

Il-Qorti qalet li wasal iż-żmien li jiġi kkunsidrat serjament jekk riklamar ta’ betting għandux jibda jiġi trattat bl-istess sensittività u b’ ‘circumscription’ bħal riklamar ta’ prodotti alkoliċi w prodotti ta’ tabakk. Inutli jiġu imnedija programmi u policies biex jgħinu l-min hu għaddej minn vizzji simili kemm il-darba tali inizjattivi ma jkunux ikkumplimentati minn policies intiżi biex jipprevjenu tali vizzji fl-ewwel lok.

Il-vulnerabbli bħal ma hu kull vizzjat, m’għandux jiġi soġġett involontarjament għal tentazzjoniijet anke fil-protezzjoni ta’ daru f’ħin meta qed isegwi programmi televiżivi w saħansitra l-aħbarijiet! Fl-aħħar net Zammit talab li jingħata l-opportunita li jgħin lil ħaddieħor biex ma jispiċċax fil-pożizzjoni li sab ruħu fiha.

Dan l-appell tal-imputat għandu jittieħed bis-serjetà. Fi kliem Zammit, jekk jirnexxielu jsalva mqar persuna oħra mill-istess madmad li hu spiċċa fih, ħajtu tkun serviet ta’ ġid. Għalhekk il-Qorti tappella, li anke minn issa, l-imputat jingħata kull opportunita sabiex mingħajr telf ta’ żmien iservi ta’ ġid u ta’ eżempju għall-oħrajn; ir-rakkont tiegħu w lkarba tiegħu taf tgħin tassew persuni maħkuma mill-vizzju tal-logħob bħalu.

Fl-istess ħin kliemu jafu jservu ta’ wake up call għal min qiegħed f’pożizzjoni li jrażżan l-attrazzjoni w it-tlellix li reklamar ta’ logħob legalizzat jiġi mpitter bih, reklamar li kapaċi jkun kaġun tal-qerda ta’ tant familji. Oreste Zammit hu il-personifikazzjoni u l-manifestazzjoni tanġibbli ta kif dan il-vizzju misħut wassal sabiex b’konsegwenza, persuna tassew spiċċat tilfet kollox.

Fl-istess ħin però Oreste Zammit jippersonifika it-tama, il-prospett b’saħħtu tarriabilitazzjoni b’ġejjieni skatenat mill-pjaga tal-logħob kemm għalih u kif ittamat, għal oħrajn. Il-Qorti qed tordna wkoll li din is-sentenza tiġi notifikata lil Uffiċċju għall-Irkupru tal-Assi.

Il-prosekuzzjoni qalet li Zammit fl-aħħar seba’ snin qabel ma tressaq il-Qorti għamel ammonti kbar ta’ depożiti fi flus kontanti li jammontaw għal aktar minn miljun u tmien mitt elf ewro. Dan meta dħul leġittimu tiegħu kien ta’ mal-mija u sittin elf ewro f’seba’ snin.

Meta tressaq il-Qorti wieġeb li mhux ħati u fil-Qorti ġie spjegat li l-akkużat ikkopera mal-pulizija u li fid-dikjarazzjoni fiskali tiegħu naqas milli jiddikjara dħul minn xogħol ieħor li kien qed jagħmel. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Oriana Spiteri u Keith Mallan mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet tar-Reati Finanzjarji, flimkien ma’ l-Avukat Gary Cauchi mill-uffiċju tal-Avukat Ġenerali.