Futbol Sport Tazza Tad-Dinja 2022

Il-Brażil mal-aħħar sittax wara rebħa fuq l-Iżvizzera

(Ritratt: EPA)

Brażil 10 Żvizzera

Il-Brażil ingħaqdu mat-timijiet tal-aħħar sittax wara li f’partita li ma kienet faċli xejn għalihom għelbu lill-Iżvizzera 1-0 b’gowl mill-isbaħ mill-midfielder ta’ Manchester United Casemiro. Minn naħa l-oħra l-Iżvizzeri jridu jistennew sal-aħħar partita kontra s-Serbja biex ikunu jafu d-destin tagħhom f’din it-Tazza tad-Dinja

L-ewwel xutt perikoluż wasal mill-Brażil fis-27 minuta meta minn kross mill-isbaħ ta’ Raphinha kien il-plejer ta’ Real Madrid Vinicius Junior li b’xutt mill-ewwel impenja lil Sommer li kellu jdawwar f’korner. Tliet minuti wara Raphinha prova xutt minn barra l-kaxxa iżda kien ċentrali wisq u Sommer ħataf b’faċiltà. Minkejja d-dominju tal-Brażiljani, it-tim immexxi minn Murat Yakin irnexxielu jżomm l-iskor indaqs sa tmiem l-ewwel taqsima.

Il-Brażil ħasbu li fetħu l-iskor fl-64 minuta minn azzjoni mibdija minn Casemiro li għadda lejn Vinicius Junior b’dan tal-aħħar jaqbeż difensur u jitfa’ wara Sommer iżda wara verifika mill-VAR il-gowl kien imħassar u l-iskor baqa’ dak ta’ 0-0.

Fit-83 minuta l-Brażil marru minn fuq minn azzjoni maħduma bejn Rodrygo u Casemiro b’dan tal-aħħar b’xutt mill-isbaħ jitfa’ l-ballun fl-angolu tax-xiba b’Sommer maħsud u ma seta’ jagħmel xejn. Erba’ minuti wara Rodrygo jirnexxielu jidħol fil-kaxxa avversarja u minn qagħda angolata prova xutt-b’saħħtu li Sommer kellu jdawwar f’korner. L-iskor baqa’ ma nbidilix sat-tisfira finali u l-Brażiljani kif kien mistenni qatgħu passaġġ għal mal-aħħar sittax.