Lokali Parlament

Il-gvern jibqa’ jiddefendi l-emenda kkunsidrata favur l-abort

Filwaqt li ddefenda l-pożizzjoni tiegħu favur l-emenda li qed tkun ikkunsidrata bħala li ddaħħal l-abort f’Malta, id-Deputat Prim ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne iddikjara fil-parlament li, “jekk ma jsirux kruċjati”, il-gvern ikun lest jiddiskuti bdil fil-kliem tal-emenda.

Meta kien qed jintroduċi l-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Kodiċi Kriminali biex tiddaħħal din l-emenda kontroversjali li qed tkun ikkunsidrata bħala li tiftaħ tieqa għall-abort, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne qal li l-emenda hi emenda ‘favur il-ħajja’ u sostna li hu kirurgu tat-tfal li jopera trabi li jkunu qed jitwieldu.

Hu sostna li fis-sajf kien talab lill-Avukat tal-Istat biex jgħid jekk hemm xi partijiet tal-liġi li kienet twaqqaf jew ixxekkel lit-tobba milli jsalvaw il-ħajjiet.

L-Avukat tal-Istat kien identifika żewġ aspetti mill-Kodiċi Kriminali li jgħidu li jekk tabib iwaqqaf tqala għal kull raġuni jista’ jeħel sa erba’ snin ħabs u jitlef il-liċenzja; din il-liġi se tibqa’. L-Avukat tal-Istat kien identifika wkoll li jekk l-omm tittermina t-tqala jew tordna li dan isir teħel sa tliet snin ħabs; din se tibqa’ wkoll. Din il-parti tal-liġi ma fiha l-ebda eċċezzjoni.

Id-Deputat Prim Ministru qal li l-gvern irid li tkun din l-uniku eċċezzjoni; biex tkun salvata l-ħajja tal-omm. Hu sostna li l-abort se jibqa’ llegali u żied li l-għażla li jrid jagħżel hi jekk isalvax l-omm inkella jħallix li l-mm u t-tarbija jmutu.

Chris Fearne kompla li mhux il-każ li se tinfetaħ tieqa fuq l-abort għax dan se jibqa’ llegali u sostna li din l-emenda tbiegħed il-possibbiltà li l-abort jidħol fil-pajjiż. Hu qal li jiġru mwiet ta’ ommijiet tqal għalkemm dan ilu ma jiġri snin.

Din il-liġi tneħħi l-possibbiltà li tiġri xi traġedja fil-pajjiż, sostna d-Deputat Prim Ministru, li kompla li l-kliem fl-emenda hu l-aħjar mod kif jintlaħaq l-ispirtu li jrid il-gvern iżda jekk ikun hemm proposti ġenwini, il-gvern m’għandux problemi li jbiddel il-kliem.

Id-Deputat Prim Ministru tkellem dwar l-emenda u qal l-mard mentali għandu jkun ikkunsidrat bħala mard serju u sostna li l-liġi trid tkun inklussiva għal kulħadd. Hu qal li kull min hu marid għandu jingħata kura u kulħadd għandu jkun trattat ta’ nies u l-għażla m’għandhiex tkun li t-tobba jispiċċaw il-ħabs jekk ma jagħtux il-kura.

Il-gvern jibqa’ miftuħ li jtejjeb il-kliem tal-emenda għalkemm dan hu l-aħjar kliem li seta’ jinstab, sostna Chris Fearne, li sostna li l-ebda liġi m’għandha xxekkel tabib.