Lokali Qorti

Il-kumpilazzjoni ta’ Roderick Cassar mixli li qatel lil martu se tibda għada quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud

Wara li nhar il-Ħamis li għadda Roderick Cassar wieġeb mhux ħati li qatel lil martu Bernice Cassar ta’ 40 sena, l-ġbir tal-provi tal-każ f’dik li tissejjaħ kumpilazzjoni se tibda għada t-Tlieta, 29 ta’ Novembru quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud wara li x-xorti bil-polza messet lilu biex jisma’ x-xhieda. Dan ifisser li l-provi se jibdew jinstemgħu ġimgħa wara mill-qtil ta’ Bernice Cassar. Ix-xhieda għandhom jibdew jagħtu d-depożizzjoni tagħhom f’nofs inhar.

L-akkużat kien l-ewwel persuna li ġiet akkużata b’femiċidju volontarju, verżjoni aggravata tar-reat ta’ omiċidju. L-unika differenza fil-liġi bejn femiċidju u omiċidju hija li tneħħa l-kunċett tal-“crime of passion” (reat li jkun seħħ waqt passjoni stantanja) fejn jidħlu l-irġiel.

Dan il-kunċett legali ġie introdott din is-sena wara l-qtil vjolenti ta’ Paulina Dembska f’Tas-Sliema fit-2 ta’ Jannar. Għaldaqstabt l-akkużati ma jistgħux ikomplu jargumentaw li wettqu reat tal-passjoni – waħda mill-linji ta’ difiża l-aktar użati f’każijiet bħal dawn.

Il-Qorti għada mistennija tibda tisma’ x-xhieda minn naħa tal-Pulizija fosthom l-investiaguri ewlenija tal-każ. Huwa mistenni li tingħata stampa ċara dwar il-kommunikazzjoni tal-akkużat mal-Pulizija meta huwa nstab fid-dar tiegħu fil-Qrenti u ma riedx joħroġ minn hekk sakemm il-Pulizija arrestatu għall-ħabta tas-2.30 am. tal-Ġimgħa.

Roderick Cassar ta’ 42 sena mill-Imqabba kien mixli bi 15-il akkuża fosthom ukoll li żamm lill-vittma tiegħu kontra r-rieda tagħha f’Raħal Ġdid fejn seħħ ir-reat, li uża vjolenza, inkluża vjolenza morali u psikoloġika, li uża arma tan-nar waqt li kien qed jagħmel reat u li ġarr arma mingħajr permess.

Huwa kien mixli wkoll li seraq il-mowbajl u ċ-ċwievet tal-karozza tal-vittma, u l-ħsara volontarja fil-proprjetà tagħha. Huwa kien akkużat li kiser ordni ta’ probation u li insultena terza persuna, maħsub li kien raġel li kien ipprova jintervjeni il-Ġimgħa filgħodu ftit tal-mumenti qabel ma seħħ il-qtil. Din il-persuna se tkun fost ix-xhieda mportantiu fil-każ.

Meta tressaq il-Ħamis quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima, l-Avukati tiegħu ma talbux għal ibertà proviżorja tal-akkużat. L-avukati Franco Debono u Marion Camilleri iżda talbu li l-akkużat jinżamm fit-taqsima forensika tal-ħabs, liema talba ma sabitx oppożizzjoni minn naħa tal-Prosekuzzjoni u ġiet milqugħa mill-Qorti.

Il-Maġistrat Grima, infurmat bit-talba milqugħa lid-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin jistabbilixxi fejn l-aħjar iżomm lill-akkużat f’dan l-istadju. Il-qtil seħħ nhar it-Tlieta 22 ta’ Novembru għall-ħabta tat-8am. Cassar ta’ 42 sena mill-Imqabba u residenti l-Qrendi, ġie arrestat fid-dar tiegħu wara stennija ta’ 17-il siegħa mal-pulizija fejn huwa mifhum li ma riedx joħroġ mid-dar u beda jhedded li kien se jikkommetti suwiċidju.

Il-vittma Bernice Cassar kienet ressqet diversi rapporti ta’ vjolenza domestika kontra żewġha, li wasslu biex il-pulizija tressaq akkużi kriminali kontrih f’Mejju li għadda. Il-koppja kienet ilha miżżewġa disa’ snin. Il-Qorti kienet ordnat lil Roderick Cassar biex ma javviċinax lil martu, fejn il-koppja kienet għaddejja minn proċess ta’ separazzjoni, iżda allegatament l-akkużat kien kiser ripetutament dik l-ordni ta’ protezzjoni mogħtija mill-Qorti.

Il-proċeduri kontra r-raġel relatati mal-abbuż domestiku kellhom jibdew f’Novembru tal-2023, dan minħabba li jeżistu nuqqasijiet kbar fis-sistema tal-ġustizzja li huma esposti mill-fatt li l-kawżi kollha ta’ vjolenza domestika jinstemgħu minn Maġistrat wieħed (Lara Lanfranco) fejn hemm 1,429 każ pendenti.

Fil-Parlament il-Partit Nazzjonalista tkellem ħafna dwar dan mhux biss wara l-qtil ta’ Bernice Cassar, li nhar it-Tlieta nqatlet b’tiri f’Kordin b’oħtha tgħid li minkejja li ressqet bosta rapporti ta’ vjolenza domestika, l-awtoritajiet injoraw l-għajta tal-vittma għall-għajnuna.

Id-deputati tal-PN fosthom Karol Aquilina, Mario De Marco u Graziella Attard Previ kemm fil-Parlament u anke f’fora oħra sostnew u għadhom isostnu li s-sitwazzjoni hija inaċċettabbli u appellaw lill-gvern biex jieħu azzjoni immedjata biex jindirizza l-backlog fil-każijiet.

Fost il-proponimenti kien hemm li wieħed mill-maġistrati l-ġodda li se jinħatar fil-ġimgħat li ġejjin għandu jiġi assenjat għal każijiet ta’ vjolenza domestika biex jittaffa l-backlog. Meta wieġeb għal numru ta’ mistoqsijiet parlamentari, il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri kkonferma li l-Maġistrat mhux qed ilaħħaq minħabba l-volum kbir ta’ kawżi.

L-avukati Franco Debono u Marion Camilleri qed jidhru għal Roderick Cassar, l-Avukati Stefano Filletti, Marita Pace Dimech, Anne Maria Cutajar u Rodienne Sciberras qed jidhru għall-familja tal-vittma bħala parte civile. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Angelle Vella, Anthony Vella u Darlene Grima mill-Uffiċċju tal-Avulkat Ġenerali u l-Ispetturi Shawn Pawney, Wayne Camilleri u Paul Camilleri għall-Kummissarju tal-Pulizija. Minkejja li ma kienx parti mill-Prosekuzzjoni, s-Supretendent Keith Arnaud qed jikkordina mal-Ispetturi li mexxew l-investigazzzjoni u huma parti mill-Prosekuzzjoni.