Lokali Parlament

Il-Ministru tat-Trasport sar jaf bil-każ taż-żewġ uffiċjali ta’ Transport Malta li aggredew sewwieq mill-gazzetti

Il-Ministru tat-Trasport Aaron Farrugia sostna fil-parlament li hu sar jaf bil-każ taż-żewġ uffiċjali ta’ Transport Malta li aggredew sewwieq ta’ mutur mill-gazzetti.

Il-Ministru Farrugia għamel din id-dikjarazzjoni fil-parlament meta kien qed iwieġeb mistoqsijiet tad-deputat Nazzjonalista Adrian Delia li qal li fil-15 ta’ Novembru 2022 kien rapportat inċident li fih kienu involuti żewġ uffiċjali ta’ Transprot Malta.

Hu staqsa lill-Ministru Farrugia meta sar taf b’dan il-każ u meta bdiet l-investigazzjoni, jekk sarx jaf mill-gazzetti, jekk kienux għaddew tliet ġimgħat minn meta seħħ dan l-inċident meta sar jaf u kif jista’ jkun li ma kien qallu ħadd. Hemm sistemi li meta jseħħu dawn il-każ sseħħ xi ħaġa u mhux iridu jkunu l-gazzetti li jixprunaw lill-gvern, sostna Adrian Delia.

Id-deputat Nazzjonalista Delia staqsa wkoll kemm hemm uffiċjali bħal dawn li jaħdmu mal-Ministeru jew ma’ Trasport Malta, x’taħriġ ingħataw, jekk is-sospensjoni kinitx bi ħlas u jekk hemmx riżultati tal-investigazzjoni. Hu staqsa jekk ir-rapport hux lest u jekk il-gvern hux se jagħmlu pubbliku.

Il-Ministru Farrugia wieġeb li hu sar jaf mill-gazzetti lejliet li l-ħaddiema kienu sospiżi u bdew l-investigazzjonijiet tal-Pulizija u ta’ Transport Malta biex ikunu stabiliti. L-għada ż-żewġ uffiċjali kien sospiżi u bħalissa għaddejjin investigazzjonijiet tal-pulizija. Hu qal li l-inċident ken seħħ f’Ottubru 2022

Il-Ministru Farrugia kompla li hemm madwar 150 uffiċjal ta’ Transport Malta li jagħmlu xogħol ta’ infurzar u sostna li dawn l-uffiċjali jkunu mħarrġa b’diversi korsijiet.

Is-sospenzjoni tal-ħaddiema involuti saret b’nofs paga. L-investigazzjonijiet stabbiliet il-fatti u bħalissa qed ikun stabbilit jekk għandhomx jittieħdu passi fuq persuni oħra flimkien ma’ rakkomandazzjonijiet oħra, sostna l-Ministru Farrugia.

Dwar l-iskandlu tal-liċenzji u jekk hemmx mijiet ta’ xufier li mhux suppost kellhom il-liċenzja iżda xorta jsuqu fit-toroq, il-Ministru Farrugia ma weġibx.